Edukazzjoni Lokali Saħħa

L-Università ta’ Malta bi programm ġdid ta’ riċerka tal-kliewi b’donazzjoni ta’ €70,000 mill-fondazzjoni tal-Life Cycle

L-Università ta’ Malta bdiet programm ġdid ta’ riċerka tal-kliewi b’donazzjoni ta’ €70,000 mill-fondazzjoni tal-Life Cycle.

Skont l-għan ta’ din il-fondazzjoni, il-Programm ta’ Riċerka tal-Kliewi mil-Life Cycle se tħares lejn il-prevenzjoni, id-djanjosi u t-trattament tal-mard tal-kliewi sabiex tittejjeb il-kwalita’ tal-ħajja.

Ir-riċerka b’kollaborazzjoni mal-isptar Mater Dei se timxi ma’ erba’ linji differenti ta’ osservazzjoni u se tinvolvi sitt riċerkaturi, bl-għajnuna ta’ assistent tar-riċerka kif ukoll uffiċjal ajutant tar-riċerka.

L-ewwel żewġ proġetti se jħarsu lejn il-mard tal-kliewi fit-tfal. F’dawn laħħar tletin sena twieldu madwar tmintax-il pazjent bis-sindromi konġenitali magħrufa bħala SRNS. Il-mexxejja tal-proġett jemmnu li biex tbassar dan il-mard aktar faċli li jsegwu l-ġenetika u din tgħin ukoll fl-iżvilupp ta’ għodda djanostiku.

Sindromu ieħor ibbażat ukoll fuq l-anomaliji konġenitali qed ikun l-akbar kawża ta’ mwiet fi tfal bil-mard tal-kliewi. Fin-nuqqas ta’ trapjanti, dawn it-tfal isiru aktar dipendenti fuq djalisi kronika u tonqsilhom għalhekk it-tul ta’ ħajjithom.

It-tielet linja ta ‘ investigazzjoni se tħares lejn il-mard tal-kliewi assoċjata mad-djabete avvanzata bil-għan li tistabilixxi r-riskju u r-rispons terapewtiku li jiddependi mill-profil ġenetiku.

L-aħħar proġett se jħares lejn is-sostanza li tirregola t-tkattir tal-haemoglobin li hu prattikament nieqes f’dawk il-pazjenti li jkollhom twaqqif totali tal-kliewi. Teżisti wkoll versjoni bijosintetika tas-sustanza erythropoietin imma l-ġisem mhux dejjem jaċċettaha u r-riċerkaturi jridu jkun jafu għaliex qed jiġri hekk.

Alan Curry, il-fundatur ta’ Life Cycle li f’dawn l-aħħar hmistax-il sena, il-Life Cycle ffokat ix-xiri tagħha fuq tagħmir u servizzi bil-għan ewlieni li tnaqqas kemm jista’ jkun dawk laffarijiet kollha mixtieqa fuq il-lista ta’ stennija tar-Renal Unit.

Madanakollu, isostni Alan Curry, il-fondazzjoni hi dedikata wkoll fl-għarfien u l-prevenzjoni, u għalhekk wasalna għad-deċiżjoni li nersqu lejn il-fondazzjoni biex
naraw sewwa sew kif se jintefqu l-fondi li qlajna b’tant tbatija.

“Ikollna nistqarru li bqajna tassew impressjonati bil-proġetti li tfasslu għas-snin li ġejjin u nħarsu ‘l quddiem bil-għan li nagħmlu impatt għal tul ta’ żmien” saħaq Curry.

Il-Fondazzjoni għar-Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp magħrufa bħala l-RITD twaqqfet fi ħdan l-universita’ sabiex taħdem ma’ setturi differenti tas-soċjeta’ u sabiex tiġbor il-fondi għall-proġetti ta’ riċerka li jkunu qed iseħħu.

L-Uffiċjal Eżekuttiv Wilfred Kenley qal li mingħajr dubju, dan il-programm ta’ riċerka se jgħin fit-tul sabiex tittejjeb il-kwalita’ ta’ ħajja għall-pazjenti u se jgħin ukoll l-universita’ tkabbar il-kapaċita’ meħtieġa f’dan il-qasam tant importanti tax-xjenza medika.

Il-fondi nġabru mill-isfida tal-ActavisLifeCycle 2013 fejn madwar għoxrin parteċipant qadfu bir-rota mill-Belarus sa San Petroburgu. L-isfida din is-sena li se sseħħ f’Settembru se jieħdu sehem ‘il fuq minn tletin ċiklist li, flimkien ma’ tim ta’ sapport, se jaqdfu elfejn kilometru minn Fukuoka sa Tokyo.

Mill-ewwel sfida fl-1999, ir-Renal Unit ingħatat miljuni ta’ ewro f’tagħmir u servizzi li jinkludu magni tal-kliewi, magni tal-arja kondizzjonata, pjant tal-Haemodialysis Reverse Osmosis, skrins LCD għall-pazjenti, kif ukoll is-servizzi ta’dijetetiku flimkien ma’ servizzi oħrajn.