L-esperjenza li għaddej minnha l-Kulleġġ għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) hi waħda ferm differenti milli qatt kellu l-MCAST matul is-snin li għaddew u dan qiegħed iwassal biex il-kwalità, kulma jmur, qed tkompli tonqos.
Jidher li prijorità assoluta fit-tmexxija hi li jinħolqu opportunitajiet għall-ħbieb u għall-ħbieb tal-ħbieb biex ikollhom vakanzi u jobs bi dħul tajjeb. Dan hu rifless, fost l-oħrajn, fil-ħolqien ta’ vakanzi ġodda ta’ Diretturi u Managers. Ċajta attwali fl-MCAST hi li bil-ħolqien ta’ tant u tant vakanzi, il-Board Room spiċċat waħda pjuttost żgħira!
Is-sorsi li tkellmu ma’ maltarightnow.com fissru li l-infiq li qed isir se jwassal biex din is-sena l-MCAST faċilment jista’ jispiċċa b’defiċit ta’ miljuni ta’ ewro. Jidher li ftit li xejn hemm kontroll fuq dan l-infiq u kollox jindika li dan se jwassal biex l-operat tal-MCAST se jkun mhedded serjament.
Nifhmu li l-Ministeru għall-Edukazzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar hu responsabbli mill-MCAST, qed isegwi mill-qrib ħafna dak li qiegħed jiġri fl-MCAST u xejn mhu kuntent bl-andament tal-affarijiet.
Fosthom li l-istess operat tal-MCAST qiegħed prinċipalment jitwettaq fuq numru anqas ta’ sigħat għax l-għalliema qegħdin jitħallew jiddeċiedu huma l-ħinijiet tal-lezzjonijiet. Is-sorsi li tkellmu ma’ maltarightnow.com fissru li hemm saħansitra għalliema li jippreferu li jagħmlu sitt sigħat sħaħ jgħallmu biex ikunu jistgħu jitilqu lejn id-dar fis-2 p.m. flok fl-4.30 p.m.
Fil-fatt dak li qed jiġri hu li l-maġġor parti tal-lezzjonijiet qed isiru bejn l-10 a.m. u t-3 p.m. u qiegħed ikun hemm okkażjonijiet ukoll fejn ċerti lezzjonijiet ma jsirux jew jinbidlu l-ħinijiet tal-lezzjonijiet u l-istudenti jintbagħtu d-dar kmieni.
Ta’ tħassib kbir, komplew is-sorsi ta’ maltarightnow.com, hu l-mod kif l-għalliema qed ikunu mħeġġa jgħinu lill-istudenti jgħaddu mill-eżamijiet biex fl-aħħar mill-aħħar it-tmexxija tal-MCAST tidher gustuża mal-Ministeru għax ir-rata tal-istudenti li jissoktaw jimxu ’l quddiem tkun artifiċjalment ogħla.
Okkażjoni partikulari fejn it-tmexxija tal-MCAST nefqet ħafna flus kienet dik meta nies fl-industrija kienu mistiedna għal konferenza li saret fl-MCAST stess. Jidher li ftit kien hemm entużjażmu dwar l-attendenza u għalhekk iddaħħal il-Prim Ministru li attenda u qassam iċ-ċertifikati fi tmiem l-attività biex hekk żdiedet il-parteċipazzjoni ta’ dawk involuti fl-industrija. Attività kompluta wkoll bl-ikel u x-xorb! Nifhmu li okkażjoni simili oħra għal din qed tkun ippjanata għall-futur qrib.
Sadattant hemm skuntentizza wkoll fost membri tal-istaff tal-MCAST hekk kif uħud tal-qalba tal-Partit Laburista tħallew jiċċaqilqu għal ma’ Ministeri u f’postijiet oħra fejn xtaqu jmorru. Imma mhux kulħadd tħalla jieħu l-opportunità li kellu. Sorsi li tkellmu magħna qalu li dan iċ-ċaqliq isir jew le, skont il-veduta ta’ Silvio De Bono, il-President tal-MCAST.
Minbarra li Silvio De Bono qed jirċievi salarju mill-MCAST, hu qed jingħata wkoll numru ta’ xogħlijiet oħra bi ħlas minn Ministeri u aġenziji tal-Gvern. Silvio De Bono għandu rabtiet qawwija mal-Partit Laburista, u mhux l-ewwel darba li deher fuq il-media tal-Partit Laburista jagħmel kummentarju politiku filwaqt li sa minn żmien li Alfred Sant kien mexxej tal-Partit Laburista kien ukoll konsulent tal-Partit Laburista u fost il-pariri li kien jagħti kien hemm dawk kif il-Partit Laburista kellu jbiddel id-dehra tiegħu.
//= $special ?>

