Futbol Sport

Real se jappellaw mis-sospensjoni ta’ Alonso

Real Madrid ikkonfermaw li se jappellaw mis-sospensjoni tal-midfielder Xabi Alonso li se jitlef il-finali taċ-Champions League tal-24 ta’ Mejju wara li dabbar it-tielet karta safra waqt it-tieni leg tas-semi finali mirbuħa 4-0 kontra Bayern Munich.

Real Madrid se jaffroTnaw lil-ġirien Atletico Madrid fil-finali f’Lisbona u f’kummenti li kien ta l-midfielder Spanjol qal li hi ħassra li se jitlef il-finali minħabba regola li skont hu hi “inġusta”.

Il-kowċ ta’ Real Madrid Carlo Ancelotti qal li jekk l-appell ma jintlaqax ikun Asier Illarramendi li jieħu post Alonso fil-finali, finali li għall-ewwel darba fl-istorja taċ-Champions League se tkun ikkontestata bejn żewġ timijiet mill-istess belt.

Intant, l-istess Ancelotti qal li l-goalkeeper Iker Casillas se jilgħab żewġ partiti tal-kampjonat biex ikun f’kundizzjoni tajba għall-finali kontra Atletico. Dan l-istaġun Casillas kien qed jintuża biss fil-partiti tat-tazza domestika u fiċ-Champions League. Minħabba li bejn it-tieni leg tas-semi finali kontra Bayern sal-finali se jkun hemm diversi ġimgħat fejn waqthom Casillas ma kinx se jilgħab, aNCELOTTI għażel li jagħml użu minnu fil-logħbiet kontra Valladolid u kontra Espanyol.