Iċ-champion u lider Marc Marquez tal-Honda kiseb ir-raba’ rebħa konsekuttiva tal-istaġun meta rebaħ il-Grand Prix ta’ Spanja quddiem il-pubbliku ta’ pajjiżu stess. Marquez beda mill-pole position u l-ebda sewwieq ieħor ma seta’ jlaħħaq mal-veloċità tas-sewwieq li issa sar ukoll l-ewwel sewwieq sa mill-1992 li qatt rebaħ l-ewwel erba’ Grand Prix wara xulxin. Marquez beda l-istaġun b’rebħa fil-Qatar u kompla minn fejn ħalla fl-Istati Uniti. Ġimgħa ilu l-istess Marquez rebaħ il-Grand Prix tal-Arġentina.
Bir-rebħa li kiseb f’Jerez Marquez issa għandu vantaġġ ta’ 28 punt fuq sieħbu Dani Pedrosa wkoll fuq Honda f’dik li hi klassifika tas-sewwieqa. Minkejja li staġun ilu kien inkurunat champion Marquez kien għadu qatt ma rebaħ fiċ-ċirkwit ta’ Jerez u r-rebħa waslet proprju fil-100 Grand Prix tal-karriera tiegħu.
Is-sewwieq Taljan tal-Yamaha Valentino Rossi kellu wirja mill-aqwa u spiċċa fit-tieni post hekk kif għeleb l-isfida ta’ Pedrosa li daħal it-tielet. L-eks champion Jorge Lorenzo spiċċa fir-raba’ post proprju fil-200 GP tal-karriera tiegħu. Il-Grand Prix li jmiss issa hu dak ta’ Franza li se jsir fit-18 ta’ Mejju.
//= $special ?>