Lokali

“Toqgħodx tilgħab bil-liġijiet u r-regolamenti”: L-AD lill-Prim Ministru

Id-Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, qal: “Il-logħob bil-kliem tal-Gvern u tal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar diversi issues legali u kostituzzjonali jixħtu dell fuq il-kredenzjali demokratiċi tal-Partit Laburista. Inbidlu diversi liġijiet biex ikun possibli li Membri Parlamentari jinħatru fuq diversi bordijiet, inkluż dawk ta’ xi awtoritajiet. Din l-azzjoni imminat il-proċess demokratiku għax biha l-Membru Parlamentari flok ma jaqdi dmiru biex jgħarbel il-ħidma tal-Gvern sar parti minnha.”

“Il-Membri Parlamentari li nħatru fuq dawn il-Bordijiet qegħdin f’pożizzjoni li ma jistgħux jaqdu dmirijiet fil-Parlament b’mod adegwat. Kien ikun aktar għaqli li l-Parlament ħoloq l-għodda neċessarji biex ikun jista’ jissorvelja aħjar il-ħidma tal-Gvern.

Carmel Cacopardo kkonkluda: “Il-Prim Ministru qiegħed ukoll jilgħab bil-kliem dwar it-talba għal referendum abrogattiv li diġa’ ġiet ippreżentata. Filli jgħid li r-referendum isir jekk hemm il-firem u filli jagħti x’jifhem li lest li jikkunsidra talba għal tnaqqis fl-applikabilità tal-provedimenti tal-liġi dwar ir-referendum abrogattiv. Dan il-logħob bil-kliem tal-Prim Ministru hu ta’ ħsara għall-proċess demokratiku”.

Il-Prof. Arnold Cassola, Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, żied: “Il-Prim Ministru ddeċieda wkoll minn jeddu li jaqbad u jagħti responsabbiltajiet ministerjali fil-qasam soċjali lill-President, meta l-kostituzzjoni ma tagħtix lok għal dan. Dan kollu, flimkien mal-fatt li l-mara tal-Prim Ministru qed tingħata wkoll rwoli istituzzjonali fid-delegazzjonijiet governattivi Maltin barra minn Malta, jixhed li l-Prim Ministru Malti qed jaqbeż il-limiti tal-poteri tiegħu. Ikun tajjeb li min jagħti parir lill-Prim Ministru jiġbidlu l-attenzjoni għal dawn l-abbużi u ma jaġixxix ta’ yesman.”