Għawdex Knisja Kultura Lokali

Velja fit-Tokk u Purċissjoni filgħodu għall-175 anniversarju tal-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex

Il-Ħadd li għadda laħqu l-qofol tagħhom il-festi speċjali li nżammu fl-aħħar jiem fl-okkażjoni tal-175 anniversarju ta’ l-istatwa ta’ San Ġorġ meqjuma fil-Bażilika tiegħu fil-Belt Victoria. Din l-opra imprezzabbli ta’ l-arti ġiet imnaqqxa fl-injam mill-Belti Pietru Pawl Azzopardi u waslet Għawdex fl-1839: hi fetħet it-tradizzjoni tal-kummissjonijiet ta’ statwi titulari proċessjonali fil-parroċċi tal-gżira Għawdxija.

Il-Purċissjoni, li ħarġet fl-għaxra ta’ fil-għodu, tmexxiet min-Nunzju Appostoliku għal Malta Mons. Aldo Cavalli, li mexxa wkoll Pontifikal Solenni dritt qabel. L-istess kif jiġri kull tielet Ħadd ta’ Lulju, din ix-xbieha artistika u devota – oriġinarjament maħduma bħala ex-voto wara l-ħelsien mill-kolera ta’ l-1837 – ġiet milqugħa fil-bieb prinċipali bit-tixjir spettakolari tal-palm għad-daqq u l-kant ta’ l-Innu l-Kbir Al glorioso martire. L-istatwa mbagħad ġiet imdawra mat-toroq qodma tar-Rabat, kif ilu jsir għal dawn l-aħħar 175 sena bi mħabba lejn il-Patrun ta’ Għawdex.

Il-Ħadd ta’ qabel fil-għaxija, dan il-kapulavur Neo-Klassiku ta’ Azzopardi kien iċ-ċentru ta’ l-attenzjoni waqt Velja Solenni li nżammet fi Pjazza Indipendenza, it-Tokk ta’ Għawdex, bil-Banca Giuratale bħala sfond imponenti. Fiha ħadet sehem il-Banda Ċittadina La Stella taħt id-direzzjoni ta’ l-Assistent Surmast tagħha Sigmund Mifsud.

Sadattant, bħala parti mill-istess ċelebrazzjonijiet li fetħu fit-23 ta’ April, nhar is-Sibt li għadda fil-għodu nżammet konferenza fuq It-Triq tal-Ġmiel: Sehem il-Knisja fil-Bini tas-Soċjetà, bis-sehem tal-Professur Oliver Friggieri u r-Rev. Dr Mario Farrugia sj. Il-konferenza għalqet b’diskors mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

(Ritratt: Jjpzammit)