Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Għall-“aħbar tajba” tal-PM, “stqarrija tal-Enemalta kienet tkun biżżejjed” – Marlene Farrugia

“Stqarrija qasira tal-Enemalta kienet tkun biżżejjed biex tħabbar ir-reviżjoni fil-prezz tal-fuels, minflok konferenza tal-aħbarijiet fil-Bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja, post normalment riservat għal tħabbiriet importanti jew konferenzi tal-aħbarijiet konġunti ma’ mexxejja barranin”. Dan qalitu d-Deputata u backbencher Laburista Marlene Farrugia, hekk kif fl-artiklu tagħha ta’ kull nhar ta’ Tnejn f’The Malta Independent reġgħet ikkritikat lill-Gvern ta’ Muscat, din id-darba għall-mod kif tħabbret lill-poplu dik li kellha tkun il-“good news” li kien ilu jitkellem dwarha ġranet sħaħ il-Prim Ministru Muscat.

Konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza ta’ ħafna ġurnalisti fil-Bitħa ta’ Kastilja, mimlija bnadar, finalment irriżultat biss fi tħabbir ta’ roħs ta’ 2ċ fil-petrol. Iżda din, normalment issir kull bidu tax-xahar bi stqarrija tal-Enemalta. Fl-artiklu tagħha, ikkwotat ukoll bi prominenza fil-faċċata tal-ġurnal, is-sieħba tal-eks Ministru tas-Saħħa tiddeskrivi dak li ġara bħala gaffe oħra, l-aktar waħda riċenti, mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru. Hi kompliet tgħid li dik li kellha tkun aħbar kbira, qisha xi ħaġa li se jkollha effett fuq il-futur tal-pajjiż, aħbar li għolliet ħafna l-aspettattiva tan-nies u li saret fil-post fejn soltu jitħabbru affarijiet importanti ħafna għall-pajjiż, spiċċat waqqgħet għar-redikolu lill-istess Gvern u lin-nies responsabbli mir-relazzjonijiet pubbliċi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Farrugia kompliet tikteb li l-aħbar tilfet l-effett tagħha qabel ma waslet għand in-nies u minflok ħolqot enerġija pożittiva, ħolqot doża ta’ redikolu, b’kulhadd jgħaddi biż-żmien dak li tħabbar. Filwaqt li ddeskrivietha bħala daqqa oħra għall-kredibbiltà tal-Gvern, id-Deputata Laburista qalet li huma affarijiet bħal dawn li qed jimbuttaw lin-nies mill-politika u hi ħasra li l-politika qed tinbidel f’retorika, marketing u manipulazzjoni psikoloġika irresponsabbli tal-elettorat mill-politiċi.

Marlene Farrugia kkritikat ukoll l-eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu li qed jintefqu biex il-Gvern jirreklama lilu nnifsu u t-€8.5 miljun addizzjonali kull sena fuq Kabinett ikbar. Qalet li dan ikun kollu għalxejn jekk il-Gvern ma jtejjibx il-livell tal-għajxien tan-nies. Ikkritikat ukoll il-mod kif qed jiddaħħlu nies jaħdmu mal-Gvern skont l-alleanza politika tagħhom u mhux fuq il-kompetenza, il-potenzjal u l-produttività tagħhom. Min-naħa l-oħra, filwaqt li qed jintefqu ħafna flus b’dan il-mod, fost l-elettorat imbagħad hemm min qed jiġi mċaħħad minn kura barra minn Malta li tista’ ssalvalu ħajtu, bħal pereżempju għall-marda tal-kanċer, minħabba nuqqas ta’ fondi.

Marlene Farrugia temmet l-artiklu billi qalet li jekk anke din id-darba n-nies iħossu li ma ngħatawx dak li ġew imwegħda, il-weġgħa tkun kbira d-doppju minħabba li l-Moviment Laburista għolla t-tamiet u l-aspettattivi tal-pajjiż għal livelli li qatt ma kellna bħalhom.