Lokali

16-il MP Laburista ma jimlewx id-dikjarazzjoni tal-assi … fosthom il-PM Muscat

16-il Membru Parlamentari Laburista, fosthom numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari, inkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat, naqsu milli jimlew id-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom kif mitlub mill-Kodiċi ta’ Etika għall-Membri Parlamentari. Min-naħa l-oħra, id-Deputati kollha tal-Partit Nazzjonalista issottomettew id-dikjarazzjoni tal-assi għall-2013, hekk kif id-data tal-għeluq ghas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tal-assi kienet it-30 ta’ April.

Il-ġurnal The Malta Independent jirrapporta li l-parti l-kbira tad-Deputati Laburisti li ma ssottomettewx id-dikjarazzjoni tal-assi jinkludu parti sostanzjali mill-Kabinett: il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Viċi Prim Ministru Louis Grech, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, il-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, il-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment Chris Cardona, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali u d-Drittijiet Ċivili Helena Dalli, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo. Deputati oħra tal-Gvern li naqsu milli jiddikjaraw l-assi tagħhom huma Luciano Busuttil, Charles Buhagiar, Joe Debono Grech u Deborah Schembri.

Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari naqsu wkoll milli jissottomettu d-dikjarazzjoni tal-assi li jressqu separatament quddiem il-Parlament bħala Membri tal-Kabinett, li f’dan il-każ suppost kellha titressaq sal-31 ta’ Marzu. Din hi t-tieni sena li l-Kabinett tal-Gvern Laburista naqas milli jissottometti d-dikjarazzjoni tal-assi fil-ħin u meta sena ilu ssottomettewhom, l-istess dikjarazzjonijiet kienu mimlijin ineżattezzi u nuqqasijiet tant li wħud minnhom kellhom jiġu kkoreġuti.