Internazzjonali

Attakk ieħor fuq in-nies fi stazzjon tal-ferrovija

IĊ-ĊINA – L-awtoritajiet Ċiniżi qegħdin jinvestigaw l-aħħar f’sensiela ta’ attakki fuq il-hubs tat-trasport pubbliku u wara li numru ta’ persuni, lbieraħ, indarbu minn grupp ta’ aggressuri li kienu armati bis-skieken, fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Guangzhou.

Filwaqt li ma daħlitx l-informazzjoni speċifika dwar l-iskop wara l-attakk – it-tielet wieħed ta’ dan it-tip fi tlett xhur – jidher li l-aggressjoni bbażat fuq ‘pjan ikkoordinat’, ġimgħa biss wara li kien seħħ attakk simili fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Urumqi, fir-reġjun ta’ Xinjiang. Intant, f’Marzu li għadda, numru ta’ nies armati kienu attakkaw lill-passiġġieri li nzertaw fl-istazzjon ta’ Kunming, u fejn inqatlu talanqas tletin persuna.

L-awtoritajiet Ċiniżi jemmnu li l-attakki ‘terroristiċi’ twettqu minn militanti separatisti tal-grupp Uighur, f’minoranza, li hu residenti fl-inħawi ta’ Xinjiang.

L-aħħar rapporti dwar l-inċidenti talbieraħ fi Guangzhou kienu pjuttost konfliġġenti u fejn ħarġu l-versjonijiet differenti dwar ‘l-ammont tal-aggressuri involuti’. Dan waqt li kelliema għall-aġenziji tas-sigurta pubblika qalu li wieħed mill-aggressuri ‘ntlaqat minn tir li sparalu pulizija fl-istess inħawi u wara li hu kien injora numru ta’ twissijiet’.

L-awtoritajiet anki qegħdin jippruvaw jiksbu aktar dettalji, bl-istampa tikkwota sid ta’ ħanut li qal li ‘l-persuni suspettati kienu stennew għal xi sagħtejn qrib l-istabbiliment tiegħu qabel wettqu l-attakk’.

Madankollu, numru ta’ xhieda qalu li l-attakk seħħ ftit wara li daħlet fl-istazzjon ferrovija li kienet ġejja minn Kunming ‘u meta niżlu mill-ferrovija grupp ta’ żgħażagħ lebsin l-abjad u bl-iskieken kbar f’idejhom’. Mifhum li ż-żgħażagħ, imbagħad, ġrew lejn l-ewwel persuni li raw quddiehom u bdew ixejjrulhom bis-skieken fost il-kaos, b’ammont kbir ta’ passiġġieri jagħmlu li jistgħu biex jaħarbu.

Il-midruba ttieħdu l-isptar fejn kienu trattati għall-ġrieħiu, bl-investigazzjonijiet qed ikomplu. Intant, l-indikazzjonijiet huma li l-estremisti tal-Uighur reġgħu kitbu ‘paġna oħra fil-missjoni ta’ intimidazzjoni’, meta hemm storja ta’ inkwiet bejn l-awtoritajiet komunisti taċ-Ċina u l-membri ta’ din il-minoranza ta’ etniċita Torka-Musulmana.