Lokali

Diskrepanzi u mistoqsijiet dwar il-ftehim għall-bejgħ tal-bendy buses

Il-kwistjoni tal-espressjoni tal-interess u l-kuntratt tal-bejgħ tal-bendy buses min-naħa tal-Gvern tqajjem diversi mistoqsijiet għax f’dawn l-aħħar jiem inkixfu numru ta’ diskrepanzi fil-verżjonijiet mogħtija mill-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi. Fl-aħħar jiem, il-bendy buses kienu trasferiti lejn għalqa fil-limiti ta’ San Ġwann, fejn milli jidher se jiġu skrappjati.

Oriġinarjament, il-kumpanija li ntgħażlet fl-espressjoni ta’ interess kienet offriet li tħallas ftit żktar minn €600,000 għal 81 bendy bus u kienet se tesportahom lejn is-Sudan. L-istqarrija tal-Gvern li nħarġet fit-18 ta’ Frar qalet ukoll li x-xerrej kellu jiffirma kuntratt u depożitu sal-21 ta’ Frar u fi żmien erba’ ġimgħat, jiġifieri lejn l-aħħar ġimgħa ta’ Marzu, dawn kellhom ikunu esportati lejn is-Sudan.

Iżda dan kollu ma seħħx u kważi xahrejn minn meta suppost qabdu t-triq lejn is-Sudan, il-bendy buses għadhom Malta. Fl-aħħar jiem, dawn ix-xarabanks bdew ikunu trasferiti fis-satra tal-lejl mill-Foss ta’ taħt il-Park and Ride fil-Furjana lejn għalqa fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Żwejt f’San Ġwann.

Fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport Toni Bezzina, il-Ministru Joe Mizzi qal li l-bendy buses inbigħu lil kumpanija li offriet €600,000, liema ammont jiġi mnaqqas għal €460,000 jekk il-vetturi jiġu skrappjati. Dan ifisser li din il-kumpanija xtrat 81 bendy bus bil-prezz ta’ ftit aktar minn €5,600 kull waħda.

Fl-istess tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari, il-Ministru Mizzi qal li l-kuntratt kien iffirmat fil-11 ta’ April. Hu f’dan is-sens li jinqalgħu numru ta’ diskrepanzi u mistoqsijiet. L-ewwel diskrepanza hi fl-iffirmar tal-kuntratt. Filwaqt li fl-istqarrija oriġinali ntqal li l-iffirmar tal-ftehim u d-depożitu kellu jsir fil-21 ta’ Frar, kif qal il-Ministru stess, il-kuntratt kien iffirmat kważi xahrejn wara. It-tieni diskrepanza hi fir-ribass fil-prezz minn €601,000 għal €460,000, li skont Mizzi kien kien imnaqqas għax il-vetturi se jkunu skrappjati.

Ħafna qed jistaqsu għaliex sar dan it-tnaqqis ta’ 24% fil-prezz meta normalment il-bejgħ ta’ vetturi isir minn kulħadd bil-kundizzjoni tale quale u x-xerrej jagħmel li jrid bil-vettura mingħajr ebda bidla fil-prezz miftiehem. L-espressjoni ta’ nteress ma’ titkellimx dwar prezz ridott f’każ ta’ skrappjar u l-unika kundizzjoni li kien hemm għax-xerrej hi li l-bendy buses ma jistgħux jintużaw f’Malta.