Editorjal

Editorjal: Oqsma ta’ xogħol u oqsma ta’ qgħad

Aktar ċifri uffiċjali tal-gvern Malti stess u tal-Unjoni Ewropea qed ikomplu jikkonfermaw iż-żieda fil-qgħad li kellna kemm ilu li tela’ l-gvern Laburista, kontra x-xejra fl-Ewropa, bla raġuni ġejja minn barra, u minkejja ż-żieda fin-nies mal-gvern.

Żieda fil-qgħad imkejjel mill-gvern Malti u mkejjel differenti mill-UE
Kellna ċ-ċifri tal-qgħad li juru li mill-elezzjoni ‘l hawn il-qgħad żdied b’500. Dawn huma ċifri miġburin u ppubblikati mill-gvern stess. Imbagħad kellna ċ-ċifri separati tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, li juru wkoll żieda fil-qgħad mill-elezzjoni. Dawn huma mkejlin b’mod differenti għalkollox imma xorta juru żieda fin-nies ifittxu x-xogħol. Żieda ta’ madwar elf, fil-fatt, tgħid l-Unjoni Ewropea.

Żewġ postijiet lura fil-klassifika tal-qgħad fl-UE
Kif inqabblu mal-bqija? Dan hu importanti ħafna u l-ħażin hu fil-fatt li, waqt li fl-Ewropa l-qgħad kien nieżel, f’Malta tiela’. Hu għalhekk li fl-aħħar sena waqajna lura żewġ postijiet fil-klassifika tal-qgħad fl-Unjoni Ewropea.

Minkejja li l-Labour daħħal aktar minn elfejn ruħ mal-gvern
Mela r-raġuni rridu nfittxhua f’Malta. U żgur mhix għax il-gvern kien qed inaqqas xi nies minn miegħu, kif ġara għal ħafna snin qabel. Anzi. L-aħħar ċifri juru li l-gvern Laburista żied in-nies mal-gvern u juru li daħħal aktar minn elfejn ruħ mal-gvern.

L-ebda viżjoni ta’ fejn se jaħdmu n-nies li se joħorġu jaħdmu
Ir-raġuni għal din iż-żieda fil-qgħad f’Malta nsibuha proprju f’dokument li l-gvern stess nieda dwar ix-xogħol. Id-dokument jgħid kif aktar nies jistgħu joħorġu jaħdmu, nisa speċjalment, billi jkollhom fejn jieħdu t-tfal fil-ħin tax-xogħol. Imma, waqt li d-dokument jitkellem fuq kif se joħroġ aktar nisa jaħdmu, ma jgħidx fejn se jaħdmu.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem ġibed oqsma ta’ xogħol ġodda lejn Malta
Gvernijiet Nazzjonalisti qabel, u anke l-Partit Nazzjonalista issa, dejjem ħasbu f’oqsma ġodda ta’ xogħol; ippjanaw l-investiment li kellhom jiġbdu b’inċentivi għal industriji kompletament ġodda bħall-informatika, il-gaming, l-avjazzjoni, il-farmaċewtika, il-qasam marittimu, is-servizzi finanzjarji, il-bijoteknoloġija. Investew fl-infrastruttura għalihom u fil-korsijiet biex isibu ħaddiema ppreparati. U issa qed jipproponi li f’Malta niġbdu l-qasam tal-ekonomija kreattiva b’serje ta’ inċentivi.

Il-Labour se jżid il-bolla, jaqta’ n-nies mir-reġistru u jdaħħal in-nies mal-gvern
Dal-gvern, xejn. Fid-dokument tiegħu anzi jgħid li se jżid il-bolla, li hi taxxa fuq ix-xogħol u hu minn ewl id-dinja li meta tintaxxa xi ħaġa żgur ma żżidhiex. U jsib skużi biex jaqta’ n-nies minn fuq ir-reġistru. Imma liema oqsma ta’ xogħol se jġib, xejn.

Popolazzjoni li qed tikber, aktar nisa jaħdmu, età ogħla tal-irtirar…
Dan hu għaliex iċ-ċifri taż-żieda fil-qgħad huma inkwetanti fil-fatt aktar milli jidhru. Għax għandna gvern li m’għandu l-ebda viżjoni għal oqsma ġodda ta’ xogħol, l-ebda viżjoni għal fejn se jkunu qed jaħdmu n-nies ta’ popolazzjoni li qed tikber, żgħażagħ ġodda fis-suq tax-xogħol, nisa li joħorġu jaħdmu u anzjani li se jdumu aktar jaħdmu.

… u l-gvern bla viżjoni għal oqsma ġodda ta’ xogħol
Il-viżjoni li għandu dal-gvern hu kif se jbagħbas iċ-ċifri tal-qgħad, kemm se jħaddem nies mal-gvern, l-ewwel nett tal-qalba, u kif se jintaxxa lill-bqija b’żieda fil-bolla.