Ekonomija Kummerċ Lokali

GO plc tikseb riżultati finanzjarji b’saħħithom għas-sena 2013 u tiddikjara dividend ta’ €0.07

GO plc kisbet sett ta’ riżultati b’saħħithom għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013, bi dħul ta’ €122 miljun, qligħ mill-operat kummerċjali ewlieni ta’ €18.0 miljun, u net cash mill-operat tagħha ta’ kważi €40 miljun. Dan tħabbar miċ-Chairman ta’ GO plc Deepak Padmanabhan waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-kumpannija li saret fis-6 ta’ Mejju 2014.

Fl-indirizz tiegħu, Padmanabhan spjega li minkejja l-kompetizzjoni estensiva u l-pressjonijiet regolatorji li jħallu impatt negattiv fuq l-operat tagħha, GO irreġistrat riżultati finanzjarji impressjonanti grazzi għall-fiduċja li l-konsumaturi jkomplu jagħtu lill-prodotti u servizzi ta’ GO flimkien mad-dedikazzjoni u l-impenn tal-impjegati tagħha. Padmanabhan ta ħarsa lejn l-istrateġija proattiva tal-Grupp li qed jinvesti fin-nies, infrastruttura, servizzi, kontenut u teknoloġija biex jintlaħqu u jkunu aħjar anki mill-aspettattivi tal-klijent, biex b’hekk GO tkompli żżomm il-pożizzjoni ewlenija tagħha fis-suq tas-servizzi tat-telefonija, mowbajl, Internet, u TV.

“Is-suċċess preżenti u dak tal-ġejjieni tagħna jiddependi mill-kapaċita’ tagħna li nevalwaw b’mod preċiż kemm l-industrija tagħna u r-realtajiet ekonomiċi usa’ biex inkunu nistgħu nagħmlu l-aħjar deċiżjonijiet ta’ investment għan-negozju tagħna,” qal Padmanabhan.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ GO Yiannos Michaelides ippreżenta lill-azzjonisti rapport iddettaljat dwar il-kuntest tas-suq li GO topera fih, l-aktar kisbiet u żviluppi sinifikanti tal-2013, u l-istrateġija għall-iżvilupp tan-negozju fil-ġejjieni.

Iċ-Chief Financial Officer ta’ GO Edmond Brincat informa lill-azzjonisti dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-Grupp u ta aġġornament dwar l-investiment ta’ GO fil-kumpannija bbażata fil-Greċja – Forthnet permezz ta’ Forgendo, inkluża l-parteċipazzjoni ta’ GO fiż-żieda tal-kapital li sar iktar kmieni din is-sena. Brincat informa wkoll lill-azzjonisti dwar il-ħsieb u l-evalwazzjoni li wasslet biex GO tinvesti f’Cablenet, kumpannija li tispeċjalizza bħala cable operator f’Ċipru.

“GO se tibqa’ ffukata fuq it-titjib kontinwu f’ kull aspett tan-negozju, l-operat u l-interazzjonijiet tagħha mal-klijenti li għamluna l-fornitur ewlieni tas-servizzi tat-telekommunikazzjoni f’Malta. Ninsabu lesti iktar minn qabel biex nilqgħu l-isfidi filwaqt li naħtfu l-opportunitajiet il-ġodda,” sostna Padmanabham.

Wara l-preżentazzjonijiet kien hemm sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba fejn l-azzjonisti ressqu l-mistoqsijiet u s-suġġerimenti tagħhom lit-tim maniġerjali għoli ta’ GO. Matul l-AGM kien elett il-bord tad-diretturi għas-sena finanzjarja li jmiss u kienu approvati diversi riżoluzzjonijiet li jinkludu l-approvazzjoni tar-riżultati finanzjarji għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2013 u l-pagament ta’ dividend nett ta’ €0.07 għal kull sehem (nett mit-tassazzjoni).