Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ ma jweġibx kemm qed tiswa l-kampanja ta’ promozzjoni bil-billboards

Il-Gvern jibqa’ jaħrab u ma jweġibx kemm qed tiswa mit-taxxi tal-poplu l-kampanja ta’ promozzjoni li qed jagħmel bil-billboards biex jirreklama lilu nnifsu. Fil-Parlament, għal darb’oħra, il-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi baqa’ ma weġibx mistoqsijiet dwar ir-reklamar tal-Gvern permezz ta’ billboards.

Fis-seduta tas-7 ta’ April li għadda, id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg għamel Mistoqsija Parlamentari dwar kemm hi n-nefqa mit-taxxi tal-poplu li qed issir mill-Gvern biex jirreklama lilu nnifsu. Il-Ministru Konrad Mizzi wieġeb biss li t-tagħrif dwar dan il-kuntratt għadu qed jinġabar.

Kważi xahar wara, id-Deputat Antoine Borg għamel l-istess Mistoqsija Parlamentari u l-Ministru Konrad Mizzi irreferieh għat-tweġiba tal-Mistoqsija tas-7 ta’ April, jiġifieri li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Ministru Konrad Mizzi qed isegwi l-linja tal-Mexxej tiegħu, il-PM Joseph Muscat, li baqa’ vag dwar il-kwistjoni ta’ dawn il-billboards, li kienu jintużaw mill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni u issa qed jintużaw mill-Gvern. Ħafna minn dawn il-billboards huma suġġetti għal azzjoni ta’ infurzar mill-MEPA. Mistoqsi mill-ġurnalisti ftit tal-jiem ilu, Muscat ħarab u pprova jitfa’ t-tort fuq il-kuntrattur.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said irrimarka kif il-Partit Laburista u l-Gvern qed jagħmlu kampanja massiċċa permezz ta’ billboards ma’ kull rokna ta’ Malta u Għawdex, ħafna minnha minn fuq dahar it-taxxi tal-Maltin u l-Għawdxin.

Anke d-Deputata tal-Gvern stess Marlene Farrugia, fl-artiklu tagħha ta’ kull nhar ta’ Tnejn f’The Malta Independent, din il-ġimgħa ddikjarat li l-ebda ammont ta’ flus moħlija f’reklami mhu se jżomm lill-poplu milli jivvota kontra Gvern li ma jtejjiblux il-livell tal-għajxien. Hi kkummentat li l-Gvern ta’ Muscat qed jonfoq eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu biex jirreklama lilu nnifsu u biex jimpjega lil tal-qalba, meta mbagħad hemm min qed jiġi rifjutat kura għall-kanċer barra minn Malta, li tista’ ssalvalu ħajtu għax jgħidulu li m’hemmx flus.