Ambjent Lokali

Il-kaċċa f’Malta ċ-ċentru ta’ diskussjoni fil-House of Commons

Il-kaċċa f’pajjiżna se tkun fiċ-ċentru tad-diskussjoni fil-House of Commons tar-Renju Unit hekk kif illejla għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ wara nofsinhar f’Westminster Hall se tiġi diskussa l-politika tar-Renju Unit fuq il-protezzjoni ta’ għasafar tal-passa f’Malta.

Din id-diskussjoni se ssir jiem biss wara li l-preżentatur tal-BBC Chris packham żar pajjiżna fuq missjoni biex iqajjem għarfien fuq il-“qtil tal-massa tal-għasafar tal-passa f’Malta.”

Din l-aħbar qajmet ir-rabja tal-FKNK li f’ittra li bagħtet lill-President ta’ Malta, il-membri parlamentari maltin, il-Membri parlamentari Ewropej f’isem Malta, il-Kummissarji tal-Pulizija kif ukoll lill-House of Commons tar-Renju Unit stess, ittimbrat lil Packham bħala “l-Ingliż li wettaq l-agħar reat meta ġie mistieden f’Malta mill-Birdlife Malta.”

L-FKNK kompliet li l-filmat li tella’ Pacham fuq Youtube huma “foloz, irħas u frodulenti. “Il-filmati ta’ Packham jixhdu li ħaqqu Oscar bħala l-aqwa attur tar-Renju Unit u l-ikbar giddieb. Il-konklużjonijiet tiegħu m’huma xejn iktar ħlief vili, qarrieqa, totalment foloz u llegali.”

Fl-istess ittra, l-FKNK fakkret li diġa’ ħadet u se tkompli tieħu azzjonijiet legali kontra Packham minħabba dħul aggravat bla permess fi propjeta’ privata u ksur tal-protezzjoni tad-data.

L-FKNK fakkret ukoll lil Packham li Malta mhix iktar kolonja Ingliża, li fir-Renju Unit wieħed jidta’ jikkaċċja għasafar tal-passa kuljum u li hu xjentifikament pruvat li l-għasafar Ingliżi ma jemigrawx f’Malta.

Għalhekk l-FKNK ikkundannat dik li sejħitilha bħala “azzjoni ta’ ħażen” u maqdret “it-trattament tat-tielet dinja ta’ tgħajjir u stqarrijiet minn turisti voluntieri li jħaddnu biss in-neo-kolonjaliżmu u li jaħsbu li jistgħu jiddettaw lil pajjiżna.”