Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk jitlob kjarifika mill-Ministeru tal-Enerġija

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk b’maġġoranza Laburista mhux konxju minn ftehim li l-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Monti qalet fi stqarrija li għamlet mal-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa biex il-posti u l-vannijiet jibqgħu jarmaw kif inhuma.

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qal li mhuwiex konxju minn dan il-ftehim u għaldaqstant qed jistenna l-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa biex jgħid jekk hux veru li ntlaħaq dan il-ftehim.

Il-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista fakkar li f’Diċembru li għadda, l-Gvern waqqaf Kumitat Konsultattiv dwar l-organizazzjoni tad-diversi swieq fil-beraħ li jirraporta lill-Ministeru għall-Eknomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar. Iżda s’issa, l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk għadu ma ġiex avviċinat minn dan il-Kumitat Konsultattiv.

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk żied jgħid li mhux kuntent bis-sitwazzjoni kif inhi fejn il-vannijiet tal-monti qed jipparkjaw f’Xatt is-Sajjieda b’mod li joħloqu inkonvinjent u jkerrħu l-ambjent tax-xatt. Il-Kunsill żied jgħid li jixtieq li l-bejjiegħa jarmaw l-istalls tagħhom b’mod organizzat u li l-vetturi tagħhom jiġu pparkjati x’imkien ieħor kif isir f’San Girgor u l-Karnival.

Il-Kunsill żied jgħid li l-anqas ma jinsab kuntent bl-ammont ta’ skart li jitħalla matul Xatt is-Sajjieda wara l-operat tal-bejjiegħa kull nhar ta’ Ħadd, liema skart qed isofru l-konsegwenzi tiegħu il-Komunita’ Xlukkajra u n-nies li jżuru l-lokalita’.

Intant, f’stqarrija seprata mill-istess Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, il-Kunsill qal li l-istabbilimenti li dejjem qed jiżdiedu għandhom ikollhom kollettur privat sabiex jiddisponi mill-iskar tagħhom iżda sfortunatament mhux qed isir hekk minn kulħadd.

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qal li kien għalekk li kien kostrett joħroġ direttiva ċara lill-kuntrattur tiegħu sabiex ma jinġabarx skart tan-negozji – u dan sfortunatament wassal biex f’dawn il-ġranet, l-iskart maħruġ abbużivament minn negozji baqa’ mhux miġbur.