Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Għawdex Lokali

Il-Prim Ministru jerġa’ jipprova jiddevja l-attenzjoni mill-iżbalji tiegħu f’Għawdex

Fl-intervista tiegħu fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, il-Prim Ministru Muscat reġa’ kien diżonest meta stqarr li Gvern Nazzjonalista kien b’xi mod falla milli jikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea li Għawdex għandha tiġi rikonoxxuta bħala reġjun u li ma kienx akkwista biżżejjed fondi mill-UE għal Għawdex. Fi stqarrija, il-PN fakkar il-fatti kif inhuma:

Fatt 1: Għawdex diġà hu rikonoxxut bħala reġjun fit-trattat ta’ Sħubija ta’ Malta fl-UE.

Fatt 2: Il-Partit Nazzjonalista kiseb €1,128 miljun f’fondi mill-UE, kisba rekord doppjament għal Malta meta wieħed jikkunsidra li l-baġit globali tal-UE naqas għal dan il-perjodu u mhux żdied.

Fatt 3: Id-dokument li tkellem dwaru b’diżonestà l-Prim Ministru jirreferi għal talba li kienet qed issir biex tilqa’ għall-eventwalità li Malta ma tingħatax il-pakkett mitlub bl-argument ta’ Objective 1 Status. Il-fatt li Malta kisbet aktar milli kien fil-fatt ġie proġettat ifisser li d-dokument li qed jirreferi għalih Muscat ġie maqbuż għax Għawdex akkwistat il-fondi li kien qed jimmira għalihom il-Gvern Nazzjonalista.

Ir-repetizzjoni ta’ din id-diżonestà politika mill-Prim Ministru mhi xejn għajr attenat biex jiddevja mill-fatt li fl-ewwel sena tiegħu fil-Gvern, ma ħoloqx xogħol f’Għawdex u ma wettaq xejn mill-ħafna proġetti li kien ħabbar b’daqstant pompa qabel l-elezzjoni, ittemm tgħid l-istqarrija.