Kont taf li nofs l-ilma li nużaw fid-dar, m’hemmx għalfejn ikun ilma tajjeb għax-xorb? Fost dawn hemm l-ilma għall-flushing, għall-ħasil tal-art jew għat-tisqija tal-pjanti. Kont taf li l-użu tal-ilma maħmuġ għat-toilets jista’ jnaqqas il-konsum tal-ilma fid-dar b’terz kuljum? Jew li l-ilma mix-showers u l-ħasil tal-idejn f’dar medja f’Malta hu biżżejjed għall-flushing f’ġurnata?
Il-ġbir tal-ilma tax-xita, l-immaniġġjar tal-ilma tal-maltemp u l-użu tal-ilma mhux nadif iżda trattat f’binjiet u żoni pubbliċi hu l-qofol tal-Programm Nazzjonali msejjaħ “Alter Aqua”, li llum tnediet it-tieni fażi tiegħu bħala parti mill-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Ilma fil-Gżejjer Maltin. Bħala parti mill-ewwel fażi tal-Programm, mibdi minn Gvern Nazzjonalista, il-Fondazzjoni Coca-Cola u l-Ministeru għal Ghawdex issieħbu flimkien f’investiment konġunt ta’ aktar minn $1.2 miljun biex jgħinu ħalli titjieb l-effiċjenza u jsir użu aktar responsabbli tal-ilma fil-gżejjer Maltin.
Minn dan il-Programm qed jibbenefikaw 30,000 ċittadin Malti u l-iskop finali tiegħu hu li titqajjem kuxjenza dwar l-importanza ta’ użu aktar responsabbli tal-ilma u l-konservazzjoni ta’ dan ir-riżors naturali. L-investiment dirett tal-Fondazzjoni tal-General Soft Drinks, li hu sieħeb uffiċjali tal-Programm, u tal-Ministeru għal Għawdex se jmur biex jiżdiedu l-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ilma f’Għawdex. Sieħba oħrajn jinkludu l-proġett Eko-Għawdex, u l-Global Water Partnership Mediterranean.
Fl-ewwel fażi tal-proġett, f’Għawdex tlestew sistemi li jiġbru l-ilma tax-xita fi Skejjel tal-Gvern f’lokalitajiet differenti, ġiet installata sistema li titratta u terġa’ tuża’ l-ilma maħmuġ fil-Gozo Stadium u fil-Wied tal-Bajja tar-Ramla, fejn inbnew ukoll ħitan tas-sejjiegħ bħala parti mill-istess proġett, qed jinġabar l-ilma tal-maltemp bil-għan li jerġa’ jintuża’ għat-tisqija fl-għelieqi. Minbarra f’dan, il-Programm jiffoka wkoll fuq xogħolijiet infrastrutturali oħrajn, l-edukazzjoni tat-tfal, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ tan-nies tekniċi nvoluti.
Hu stmat li madwar 3,200 student kisbu tagħlim dwar l-immaniġġjar sostenibbli tal-konsum tal-ilma, u ngħata taħriġ ukoll f’dan is-settur lil 255 għalliem u 48 tekniku. Fl-attivitajiet tal-Programm “Alter Aqua” qed jikkontribwixxu wkoll NGOs u istituzzjonijiet oħrajn bħan-Nature Trust u Eko Skola.
//= $special ?>