Lokali

Ir-Reġina Eliżabetta II tawgura lill-President il-ġdid ta’ Malta

F’dawn l-ewwel ġimgħat tal-Presidenza komplew jaslu aktar ittri ta’ awguri, fosthom mingħand ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni.

Filwaqt li r-Reġina awgurat lill-President Marie-Louise Coleiro Preca għall-ħatra tagħha nhar l-4 ta’ April li għadda, sostniet li r-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi huwa b’saħħithom.

Saħqet li din ir-relazzjoni se tibqa’ tissaħħaħ matul din il-Presidenza hekk kif Malta tospita lill-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth fl-2015 kif ukoll il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017.

Awguri oħra waslu mid-Direttur Generali tal-UNESCO Irina Bokova li ddeskriviet il-ħatra tagħha bħala waħda storika hekk kif Malta issa għandha t-tieni mara bħala Kap tal-Istat.

Hi uriet il-konvinzjoni tagħha li l-kooperazzjoni li teżisti bejn Malta u l-UNESCO se tkompli tiżdied fiż-żmien li ġej.