Internazzjonali

Ir-Russja tiċħad għal taħditiet ġodda f’Ġinevra

IL-KRIŻI TAL-UKRAJNA – Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, warrab għall-possibbilta li pajjiżu jissieħeb f’taħditiet ġodda intiżi biex itaffu l-kriżi tal-Ukrajna u dment li t-taħditiet ma jinkludux lill-gruppi tal-Oppożizzjoni li qed jappoġġjaw lil Moska.

Lavrov insista li ma kien hemm l-ebda lok għal dawn it-taħditiet ġodda – li kienu indikati għal Ġinevra, fl-Iżvizzera – ladarba ma kienx implimentat il-ftehim tas-17 ta’ April li għadda (dwar l-Ukrajna) li laħqu r-rappreżentanti tar-Russja, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea wara laqgħat ġo l-istess belt.

Taħt dan il-ftehim, il-partijiet kollha interessati – fosthom is-separatisti fl-Ukrajna tal-Lvant – kellhom ‘iżommu lura mill-vjolenza u l-intimidazzjoni’. Kien anki intiż biex l-elementi armati li ħatfu u okkupaw il-bini tal-amministrazzjoni fl-Ukrajna jitilqu mill-inħawi u jċedu l-armi, fejn imbagħad kellhom igawdu minn amnestija.

Il-Ministru Russu għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara wara laqgħa tal-Kunsill tal-Ewropa li kienet mistennija tappoġġja l-pjani tal-Ukrajna rigward elezzjoni indikata għall-25 ta’ Mejju. Fl-istess ħin, Lavrov qal li din l-elezzjoni ‘ma titqiesx bħala xi ħaġa komuni fi żmien meta l-Armata tal-Ukrajna qed tintuża kontra l-popolazzjoni’.

L-Aġent Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Andriy Deshchytsia, qal li l-Ukrajna lesta biex tappoġġja sensiela ta’ taħditiet ġodda, f’Ġinevra, dment li r-Russja toħroġ favur l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet għall-Presidenza tal-Ukrajna. Hu spjega li pajjiżu hu dispost li jkompli bid-diskussjonijiet dment li r-Russja timpenja ruħha biex tappoġġja l-elezzjonijiet tal-Ukrajna u twaqqaf l-appoġġ għall-estremisti fit-territorji Ukrejni.

Il-qawwiet tas-sigurta Ukreni qed imexxu offensiva fuq is-separatisti armati li jappoġġjaw lir-Russja fl-artijiet lejn il-Lvant tal-Ukrajna u fost diversi konfronti barra l-belt ta’ Sloviansk.

Mifhum li fil-konfronti mietu talanqas erba’ suldati Ukreni u madwar tletin separatista bl-awtoritajiet Ukreni jispjegaw li ‘mijiet tal-militanti armati sa snienhom qegħdin jinħbew fost il-membri tal-komunita ċivili ta’ Sloviansk’. Dan wara li huma ħatfu l-bini tal-Gvern u waqqfu ċ-checkpoints fl-inħawi – bl-aħħar rapporti jgħidu li r-residenti tal-belt qed jaħżnu l-ikel bħala ‘miżura ta’ emerġenza’, filwaqt li jtellgħu l-barrikati fit-toroq.

Sadanittant, spiċċaw sospiżi t-titjiriet lejn il-belt prinċipali ta’ Donetsk u ‘l hinn minnha, bl-awtoritajiet tal-avvjazzjoni Ukreni ma jagħtux raġuni għal dan il-pass. Is-separatisti f’Donetsk diġa ħabbru ‘Repubblika tal-Poplu’ u qegħdin iħejju referendum għall-indipendenza li għandu jsir nhar il-Ħadd li ġej.

L-awtoritajiet Ukreni anki qed jippruvaw jieħdu lura l-kontroll ta’ Odessa, bil-President proviżorju tal-Ukrajna, Olexander Turchynov, ikeċċi lill-Uffiċjal li kien qed jaġixxi bħala l-kap temporanju tal-amministrazzjoni reġjonali.

Min-naħa tiegħu, l-President Franċiż, Francois Hollande, wissa dwar ‘il-potenzjal ta’ gwerra ċivili fl-Ukrajna’ f’każ li l-elezzjoni ma titħalliex issir. Hu informa lir-Radju ta’ Franza li r-Russja għandha kull interess li tippermetti l-elezzjonijiet fl-Ukrajna ‘għaliex ma tridx tidher li qed tostakola pajjiż ieħor milli jeżerċita d-dritt tal-vot.’