Smart City Malta tkbabar il-profil tagħha bl-inklużjoni ta’ iktar kumpaniji, awtoritajiet u aġenziji li qed jagħżlu li jittrasferixxu l-operat tagħhom lejn il-Kalkara.
Wara li fl-aħħar ssnin irnexxielha tattira numru ta’ kumpaniji internazzjonali biex jaħdmu mir-Rikażli, issa Smart City Malta se tkun ukoll il-post li minnu se tibda topera l-Awtorita’ Maltija tal-Logħob u l-Lotteriji minn Marzu 2015.
Dettalji dwar dawn l-iżviluppi ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li saret wara li l-awtoritajiet tal-Awtorita’ żaru s-sular li minnu se jibdew jaħdmu fi Smart City Malta.
Fi Smart City Malta, l-Awtorita’ Maltija tal-Logħob u l-Lotteriji se tittrasferixxi 80 impjegat li se jissieħbu mal-impjegati tal-kumpaniji l-oħra li diġa’ jaħdmu minn dan il-post.
Fost il-kumpaniji li hemm fi Smart City Malta bħalissa hemm operaturi fis-settur turistiku, fil-gaming, fit-teknoloġija tal-informatika u fil-back office. Dan flimkien ma’ numru ta’ ristoranti li diġa’ għażlu Smart City Malta biex jiftħu l-istbabilimenti tagħhom.
Il-Ministru Chris Cardona ddeskriva l-proġett ta’ Smart City Malta bħala proġett tal-futur li qed ipoġġi lil Malta bħala Ċentru fejn isir in-negozju. Filwaqt li qal li permezz ta’ Smart City Malta, il-pajjiż se jattira u jkattar l-investiment, il-Ministru Cardona deskriva lil Smart City Malta bħala ċentru ta’ kreattivita’ għall-futur li se jkun qed joħloq l-impjiegi.
Il-Ministru Cardona rabat ukoll l-investiment li qed isir fi Smart City Malta mal-andament tal-ekonomija u qal li l-Kummissjoni Ewropea ikkonfermat li l-ekonomija Maltija qed turi xejriet pożittivi u li mistennija tkompli tirreġistra titjib fis-sentejn li ġejjin.
//= $special ?>