COMMONWEALTH – L-Erbgħa tasal Malta minn Ċipru l-Baton tar-Regina li qed iddur madwar il-pajjiżi li se jieħdu sehem fil-Logħob tal-Commonwealth fi Glasgow. Il-Baton qed titwassal f’70 pajjiż differenti tal-Commonwealth.
Ir-relay tradizzjonalment li ilha ssir mill-logħob f’Cardiff f’Wales fl-1958, bdiet mill-palazz ta’ Buckingham f’Londra fid-9 ta’ Ottubru tal-2013 meta dakinhar ir-Reġina tal-Ingilterra kitbet messaġġ u poġġietu fil-baton.
Mal-wasla f’Malta fis-2.20 p.m. il-Baton se tittieħed dritt fl-uffiċċju tal-Prim Ministru u wara lejn il-monument tal-Gwerra u Triq Repubblika fil-Belt, għall-ġnien tal-Barrakka minn fejn se titniżżel bil-lift biex taqsam lejn il-Birgu. Minn hemm il-baton tittieħed fil-Fondazzjoni Inspire f’Marsaskala.
Il-Ħamis imbagħad il-Baton se tkun qed tittieħed Għawdex mal-vapur tat-8.30 a.m. miċ-Ċirkewwa u tirritorna kmieni wara nofsinhar fejn tgħaddi mill-Mellieħa, l-Imdina, r-Rabat, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ.
Matul din ir-relay ta’ 248 jum il-baton se tkopri 190,000 Km sakemm tasal għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth fit-23 ta’ Lulju fi Glasgow fejn ir-Regina taqra l-messaġġ li qed jinġarr fil-baton stess.
//= $special ?>