Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Parlament

Aġġornata: L-Oppożizzjoni tippreżenta l-Emenda Kostituzzjonali kontra d-diskriminazzjoni fuq persuni b’diżabbiltà

L-Oppożizzjoni ressqet it-tieni emenda kostituzzjonali f’temp ta’ ftit ġimgħat hekk kif it-Tlieta l-kelliem għax-Xogħol u d-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilta’ Stephen Spiteri ppreżenta mozzjoni kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq persuni b’diżabilta’ lill-Ispeaker Anglu Farrugia.

Stephen Spiteri kien akkumpanjat mill-Viċ Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco u mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.

Permezz ta’ din il-mozzjoni, l-Oppoizzjoni qed timmira li tiġi rikonoxxuta l-lingwa tas-sinjali, jiddaħħal il-kunċett tat-trusted friend fl-elezzjonijiet, jiġi żgurat l-aċċess ugwali għal opportunitajiet lil persuni b’diżabilta’ u jitnaqqsu l-barrieri għall-integrazzjoni fis-soċjeta’.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jieħu azzjoni kontra diskriminazzjoni abbaii tad-diżabilta’ – Fis-sena 2000 iddaħħlet l-inklussivita’ fl-Att dwar l-Edukazzjoni u llum pajjiżna hu fuq quddiem nett f’dan ir-rigward.
Sentejn biss ilu kienet introdotta l-emenda tal-Att tal-Guardianship. Spiteri appella biex dan l-att jiddaħħal fis-seħħ mill-iktar fis possibbli.

Hu qal li dan hu pass ieħor li juri li l-Oppożizzjoni hi waħda proattiva u li qed tieħu azzjoni biex is-soċjeta’ tkun aħjar. Appella biex issa din il-mozzjoni ssib l-appoġġ tal-Parlament sħiħ meta titressaq għad-diskussjoni.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-messaġġ tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista bi tħejjija għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – Malta Aħjar – mhux biss messaġġ miktub imma messaġġ li l-Partit Nazzjonalista qed iwettaq.

Minn naħa tiegħu l-Ispeaker Anglu Farrugia faħħar dan il-pass tal-Oppożizzjoni li se tolqot lil madwar 40,000 persuna li jbagħtu minn xi diżabilta f’pajjiżna. Qal li din it-tieni emenda mressqa mill-Oppożizzjoni hi sinjal tajjeb ta’ parlament li hu ħaj u li qed jaħdem biex Malta tkun aħjar.