L-SDM ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala l-għaqda li tirrappreżenta lill-istudenti fl-MCAST biex b’hekk issa din l-għaqda studenteska se tkompli tifrex il-ħidma tagħha fost l-istudenti fl-istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid, Joseph Grech, President tal-Istudenti Demokristjani Maltin, fisser dan bħala pass ‘il quddiem fl-istorja tal-SDM.
Grech fisser kif dan ma kienx pass faċli madankollu l-istudenti kienu entużjasti ħafna biex jaraw dan il-pass jittieħed tant li kienu huma stess li ħadu l-inizjattiva u ġabru petizzjoni b’mijiet ta’ firem li ġiet ippreżentata lill-amministrazzjoni tal-Kulleġġ.
Joseph Grech qal li l-pass li jmiss għall-għaqda SDM issa hu li ssir evalwazzjoni jekk għandhiex tipparteċipa fl-elezzjonijiet. Fakkar li dan se jkun pass diffiċli għal organizzazzjoni li għadha qed tistabilixxi ruħha u tibda l-ħidma tagħha f’dan il-Kulleġġ. L-SDM għaddejja wkoll b’diskussjonijiet mas-6th Form ta’ Għawdex biex tiġi rikonoxxuta wkoll f’din l-istituzzjoni u tkun tista’ taħdem biex ittejjeb il-ħajja skolastika ta’ iktar studenti f’pajjiżna.
//= $special ?>

