Fl-aħħar sigħat kien ippubblikat ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea bil-previżjoni dwar il-qagħda ekonomika u finanzjarja ta’ Malta. Minkejja li dan għamel tbassir tajjeb fuq l-ekonomija Maltija u nnota t-titjib fl-iżbilanċ, wissa li r-rata tal-ħolqien tal-impjiegi f’Malta tul din is-sena se tnaqqas fir-ritmu tagħha minn 3.1% fl-2013 għal 2.1%.
Issa fi żmien anqas minn 24 siegħa, l-Agenzija tal-Istatistika tal-UE (Eurostat) ippubblikat iċ-ċifri tal-kummerċ fl-Ewropa f’Marzu 2014. Għal darb’oħra, dawn juru li filwaqt li fl-UE u fiż-Żona Ewro l-bejgħ mill-ħwienet żdied sew meta mqabbel ma’ Frar 2014 u Marzu 2013, fiż-żewġ każi l-kummerċ f’Malta naqas. Mhux talli hekk, iżda fil-kaz tat-tqabbil ma’ Marzu 2013, Malta kellha l-akbar tnaqqis fil-bejgħ minn fost l-Istati Membri kollha tal-UE.
Skont l-istatistika tal-Eurostat, f’Marzu 2014 il-bejgħ mill-hwienet fiż-Żona Ewro żdied b’0.3% fuq Frar 2014, filwaqt li l-medja tat-28 Stat Membru tal-UE żdiedet b’0.3% wkoll. Madankollu, f’Malta kellna tnaqqis ta’ 0.6%. Malta kienet fost disa’ pajjiżi biss fejn naqas il-bejgħ. Minn dawn huma biss ħamsa li kienu f’livell agħar minn ta’ pajjiżna, bl-akbar tnaqqis jirriżulta fil-Portugall. Spanja rreġistra l-istess tnaqqis daqs Malta.
Meta t-tqabbil isir fuq sena ilu, f’Marzu 2014 fl-UE l-kummerċ żdied b’1.6%, filwaqt li fil-pajjiżi taż-Żona Ewro żdied b’0.9%. Madankollu, f’Malta naqas bi 2%. F’dan il-każ huma biss erbgħa l-pajjiżi li rreġistraw tnaqqis fil-bejgħ, b’Malta jkollha l-akbar tnaqqis. Il-pajjiżi l-oħra kienu l-Fillandja (-1.3%), l-Islovenja (-1.1%) u Spanja (-0.6%).
Marzu mmarka l-ewwel sena sħiħa tal-Gvern ġdid Laburista.
//= $special ?>