Filwaqt li Gvern Nazzjonalista kien innegozja pakkett finanzjarju ta’ sussidji għall-bdiewa, għadu mhux ċar jekk il-Gvern Laburista hux qed jinnegozja pakkett ieħor ta’ għajnuna għas-settur agrikolu.
Dan ħareġ minn laqgħa li l-bdiewa kellhom ma’ żewġ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – Stefano Mallia f’isem il-Partit Nazzjonalista u Alfred Sant f’isem il-Partit Laburista.
L-eks Prim Ministru u llum kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li hu ma jara l-ebda futur għas-settur agrikolu u qal li l-bdiewa Maltin jridu jbażwru biex jibqgħu għaddejjin. Sant saħaq ukoll li l-kumitati fi ħdan il-Parlament Ewropew huma irrelevanti.
Għall-kuntrarju l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia qal li jemmen li s-settur tal-biedja għandu futur u tenna l-impenn tiegħu li, jekk ikun elett, jidħol fil-Kumitat tal-Agrikultura fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Jekk dan iseħħ, tkun l-ewwel darba li pajjiżna jkun rappreżentat f’dan il-kumitat.
Stefano Mallia qal fakkar ukoll li pajjiżna għad ma għandux pjan agrikolu għal pajjiżna u dan qed iwassal lill-bdiewa biex jaħdmu fl-għama. Il-laqgħa għall-bdiewa kienet organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa bil-għan li l-bdiewa jkollhom l-opportunita’ jiddiskutu l-impatt tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fuq is-settur agrikolu u x’jixtiequ mill-Ewropa fis-snin li ġejjin. U saret fil-kwartieri tal-Assoċjazzjoni fil-Pitkalija.
//= $special ?>