Minn Matthew Mamo u Kenneth Xuereb
“Illum-il ġurnata l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jappella lis-suldati tal-azzar biex jappoġġjawh għax riesqa l-elezzjoni, imma fix-xhur ta’ wara l-elezzjoni li għaddiet nesa’ lil dawn is-suldati tal-azzar. Użahhom u remihom, użahhom u ttradihom.”
Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt laqgħa ta’ djalogu li saret f’Ħaż-Żebbuġ bħala parti mill-kampanja ‘Malta Aħjar’ bi tħejjija għall-elezzjoni tal-parlament Ewropew fl-24 ta’ Mejju li ġej. Hu fakkar kif fix-xhur li għaddew, minflok suldati tal-azzar, il-Prim Ministru kellu suldati tal-qalba. “Kellu fizzjali, logutinenti, kurunelli u uffiċjali oħra tal-qalba li gawdew ma’ dan il-gvern. Dan fi żmien meta s-suldati vera tal-azzar li llum iridhom jivvutawlu ħallihom jirreġistraw għax-xogħol,” qal Simon busuttil b’riferenza għal kważi 8,000 persuna li llum qed jirreġistraw għax-xogħol.
Imma dawk tal-qalba ngħataw job fuq job b’pagi esaġerati. “Rajna sitwazzjoni ta’ kjuwijiet kbar jirreġistraw quddiem l-uffiċċji tal-ETC għall-ewwel darba wara snin twal. Dan żgur m’esperjenzawhiex il-membri tal-gvern, in-nisa tagħhom, il-qraba u l-ħbieb tal-qalba tagħhom,” fakkar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Kompla li n-numru ta’ ħaddiema tal-Gvern żdied sostanzjalment u li kieku dan ma sarx, kien ikollna sitwazzjoni ta’ rata ta’ qgħad li tqarreb id-9,000 suldati tal-azzar ifittex ix-xogħol. “Dawn huma l-istess suldati tal-azzar li jfittxu l-mediċina u jsibuha out of stock meta s-suldati tal-qalba mhux talli jsibu l-mediċina, anzi jgħidulhom minn fejn isibuha u jaqduhom skont isimhom.
“Is-suldati tal-azzar ħadu biss il-loqom mingħand dan il-gvern,” qal Simon Busuttil li kompla li lil dawn l-istess suldati, Muscat iridhom jikkuntentaw b’roħs ta’ żewġ ċenteżmi fil-petrol, l-istess ammont li kien għollielhom xahar biss qabel.”
Imma Simon Busuttil ma waqafx hawn u fakkar li Ħaż-Żebbuġ hu l-istess distrett mnejn ġie elett Godfrey Farrugia li Muscat użah u remieh, użah u ttradieh. “Meta ma ridux iktar fid-dekasteru tas-saħħa, Farrugia żamm sod u lill-Prim Ministru qallu li hu mhux se jaċċetta li jużah u jarmih. Għalhekk irriżenja,” tenna Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-messaġġ tal-Prim Ministru li jgħid li se jkun l-underdog f’dawn l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
“Issa drajna li l-Prim Ministru jgħid ħaġa meta jkun mod ieħor. Għatta l-mediċini out of stock bil-kelma pending order, ħeba l-kurituri mimlija stretchers billi bidilhom f’wards u wettaq privatizzazzjoni tal-Enemalta imma qal li dan kien strategic partnership.”
Hu qal li din se tkun elezzjoni diffiċli għall-Partit Nazzjonalista li se jibda bi żvantaġġ kbir imma trid issir ħidma kbira. “Impossibbli negħlbu żvantaġġ ta’ 36,000 vot għax qed ninbnew u ninbidlu f’partit tan-nies. Din hi l-ambizzjoni tagħna li maż-żmien nirbħu l-fiduċja tan-nies,” kompla Simon Busuttil li appella lil dawk li għaxar snin ilu ċċelebraw wara li huma stess ivvutaw biex pajjiżna daħal fl-Unjoni Ewropea.
“Dawk in-nies fdaw lill-Partit Nazzjonalista bil-futur tagħhom u ta’ Malta. Uħud minnhom inqasnihom għax żbaljajna u tawna messaġġ fl-aħħar elezzjoni. Jiddispjaċina. Qed nieħdu din il-lezzjoni kuljum biex immorru għand dawk in-nies u nuruhom li fimnihom,” tenna Simon Busuttil.
Lil dawn in-nies, Busuttil fakkarhom li għaxar snin ilu l-Partit Nazzjonalista kien partit ta’ viżjoni u għalhekk ivvutawlu. Qal li iktar ma jgħaddi żmien il-partit qed juri li għandu viżjoni u direzzjoni, ideat ġodda u friski, partit li għadu jaħdem dejjem iktar għal Malta.
//= $special ?>