HOCKEY FINALI KNOCK-OUT
Floriana YS…………..4
Poiatti Qomi…………6
Umpires> Luke Busuttil Leaver u Robert Aquilina
Din il-finali tan-knock-out tal-Hockey kienet logħba b’żewġ uċuħ. Floriana kellhom 14-il short corner u li minnhom skurjaw tnejn biss, filwaqt li Qormi skorjaw il-gowls kollha tagħhom minn azzjonijiet maħduma tajjeb ħafna.
Qormi bdew din il-logħba b’saħħithom ħafna u kienu diġà tnejn minn fuq wara 12-il minuta. Kyle Micallef spara fix-xibka wara żewġ minuti u Steve Tanti għamilhom tnejn wara li rċieva pass tajjeb mingħand Jonathan Borg.
Young Stars irrispondew u naqqsu l-iskor wara 18-il minuta meta Mark Camilleri skorja minn short corner. Hekk kif wieħed kien jistenna li Floriana se jiddominaw, Qormi ħasduhom billi skorjaw it-tielet gowl tagħhom permezz ta’ Thomas DeGiovanni meta wasal l-ewwel fuq il-ballun wara li ġie mblukkat mill-gowlkiper Furjaniż u tefa’ f’lasti vojta. Qabel tmiem l-ewwel taqsima Floriana rebħu ħames short corners iżda sabu lill-gowlkiper żagħżugħ ta’ Qormi Jeremy Farrugia f’forma mill-aqwa u l-iskor baqa’ 3-1 favur il-Qriema.
It-tieni taqsima bdiet bi Floriana fuq l-attakk u minn azzjoni ta’ short corner favur Floriana, Qormi reġgħu skorjaw meta ħarbu fuq kontrattakk. Justin Bonello kkrossja ballun li ġie mxellef minn Jonathan Borg u għamel l-iskor 4-1.
Young Stars reġgħu daħlu fil-logħba meta Chris Attard għamilhom 4-2 wara azzjoni ta’ short corner iżda Qormi kienu superjuri fl-azzjonijiet tagħhom u Floriana ma setgħu jagħmlu xejn meta l-attakkanti Qriema dawru l-ballun madwar id-difensuri Furjaniżi u Zachary DeGiovanni għamilhom 5-2.
Ftit wara Thomas DeGiovanni skorja t-tieni gowl tiegħu u s-sitt wieħed għal Qormi biex għalaq il-logħba. Floriana ma qatgħux qalbhom u Clive Williams u Sam Borg skorjaw għalihom biex għamlu l-iskor finali 6-4 favur Poiatti Qormi.
B’din ir-rebħa Qormi għamlu doppjetta ta’ Kampjonat u Knock-Out fi staġun li matulu rebħu tlieta mill-erba’ kompetizzjonijet organizzati mill-assoċċjazzjoni tal-Hockey.
//= $special ?>