L-ISTATI UNITI – Kumpannija inkarigata mill-esplorazzjoni fil-fond tal-baħar irkuprat madwar elf uqija deheb – ekwivalenti għal kważi miljun ewro – waqt espedizzjoni fl-inħawi tal-Oċean Atlantiku fejn, fl-1857, kien għereq il-vapur ‘ SS Central America’.
Madwar 435 persuna kienu mietu fl-għarqa storika li kkaġunat waħda mill-ewwel kriżi finanzjarji fid-dinja – b’din l-iskoperta ġġedded l-ispekulazzjoni li fadal id-deheb li jiswa ‘l-għexieren tal-miljuni’ fuq il-vapur. L-aħħar sejba kkonfermat ukoll li wieħed irid imur lura għall-1991 għall-aħħar darba li ttieħed id-deheb mill-SS Central America u llum ħadd ma jaf kemm fadal deheb fuq dan il-vapur tat-tip side-wheel steamship.
Kelliema għall-kumpannija Odyssey Marine Exploration (ibbażata f’Tampa fl-Istat ta’ Florida) spjegaw li d-deheb kien rikoverat matul ix-xahar li għadda waqt espedizzjoni speċifika minn bugħaddasa fiz-zona tal-vapur.
L-‘SS Central America’, fl-1857, kien qed ibaħħar ‘l hinn mill-kosta ta’ South Carolina meta nqabad fl-eqqel ta’ uragan. Il-vapur, dakinar, kien qed iġorr mal-21 tunnellata deheb li kellu jsostni lill-banek ta’ New York fi żmenijiet diffiċli, bit-telfa tiegħu toħloq paniku fost is-setturi kkonċernati.
Intant, l-espedizzjoni ta’ April hi l-ewwel darba li xi ħadd irnexxielu jirkupra d-deheb mill-vapur wara kważi ħamsa u għoxrin sena u wara li laħqu ġew irkuprati l-ekwivalenti ta’ bejn 27 u 35 miljun ewro f’deheb waqt l-espedizzjonijiet li saru fl-Oċean Atlantiku lejn l-aħħar tat-tmeninijiet u s-snin disgħin u qabel it-tfittxija waqfet b’kaġun ta’ xi diżgwid legali.
L-Odyssey Marine Exploration – li rebħet id-dritt biex tirritorna fl-inħawi tal-għarqa – insistiet li fadal ‘ammont ġmielu ta’ deheb x’jinġabar mill-vapur’ u li mifhum jinkludi l-ingotti, l-muniti u anki kwantita ta’ oġġetti li kienu qed iġorru l-passiġġiera infushom.
//= $special ?>