SNOOKER – Mark Selby ddedika l-ewwel titlu mondjali li rebaħ fis-snooker lill-mibki missieru li miet bil-kanċer fl-1999.
Il-plejer ta’ 30 sena imlaqqam ‘The Jester’ li jgħix Liecester, għeleb liċ-Champions renjanti Ronnie O’Sullivan 18-14 biex sar in-numru 1 il-ġdid fid-dinja. Huwa rebaħ ukoll is-somma ta’ £300,000 u sar id-disa’ plejer li rebaħ it-Triple Crown wara li rebaħ tliet titli Masters u l-Kampjonat tar-Renju Unit.
“Missieri miet meta kelli 16-il sena, xahrejn biss qabel qlibt professjonali u l-aħħar kelmiet tiegħu kienu. ‘Irridek issir Champion tad-dinja’,” qal Selby li dawwar żvantaġġ ta’ 10-5 biex kiseb ir-rebħa.
“Għidtlu li se nagħmel dan xi darba u llum wasal dak il-jum.”
Selby li kien 10-7 minn taħt matul il-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn, kiseb rebħa drammatika fl-aħħar jum fi Crucible u aktar tard ammetta li kien għajjien ħafna wara semifinali mill-aktar missielta ma’ Neil Robertson.
“Kull darba li kelli ċans ħassejt li kont kapaċi nġib il-punti, imma l-Ħadd bdejt nitlef ħafna bilji minħabba l-għejja. Lejn it-tmiem iżda, meta Ronnie ġie lura 15-14 u staqsieni l-mistoqsija, probabbilment lgħabt l-aqwa snooker tiegħi fil-finali f’dawk l-aħħar tliet frames. Ridt nattakkah u hekk għamilt. Li nirbaħ lil Ronnie fil-final u nirbaħ l-ewwel titlu mondjali, hi ħolma li saret realta`,” qal Selby li dawwar il-logħba favur tiegħu meta rebaħ l-ewwel erba’ frames tat-tieni ġurnata.
O’Sullivan, ħames darbiet Champion faħħar id-determinazzjoni ta’ Selby wara li għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu kien megħlub fil-finali ta’ Crucible.
“Ippruvajt l-aħjar tiegħi imma kien tajjeb wisq. Hawnhekk kelli rebħiet kbar imma li nitlef hu parti mill-isport. Immur lura nilgħaq il-feriti, imma se nirritorna u nipprova nkun aħjar darba oħra. Ma kinitx logħba mexxejja, kien hemm ħafna kolpi ta’ difiża u spiċċajt nilgħab bħalu. Ippruvajt nibdel l-affarijiet imma meta tkun qed tipprova tagħmel xi ħaġa, mhux dejjem jiġri dak li tkun tixtieq. Kulma għamilt kellu risposta għalih u aktar,” qal O’Sullivan.
//= $special ?>