Sport Sport Ieħor

Sirens ASC jidħlu fil-kotba tar-rekords

GĦAWM – L-iskwadra tal-għawwiema ta’ Sirens ASC kisbet riżultati tajbin ħafna waqt il-laqgħa internazzjonali tal-għawm tal-Għid li saret fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq.

Għal dan il-laqgħa Sirens kellhom l-akbar għadd ta’ għawwiema li qatt ħadu sehem bihom, 60 tifel u tifla li jvarjaw minn 7 sa 18-il sena, jikkompetu kontra l-aħjar għawwiema tal-iskwadra nazzjonali kif ukoll kontra timijiet b’saħħithom mir-Renju Unit u mill-Italja.

Għal uħud mill-għawwiema din il-laqgħa kienet l-ewwel esperjenza imma xorta kisbu riżultati eċċellenti, b’aktar minn nofshom, 53%, itejbu l-ħinijiet personali tagħhom. U rnexxielhom jirbħu xi midalja wkoll!

It-taħriġ iebes ta’ kuljum ta sodisfazzjon lill-atleti żgħar u anke lill-kowċis tagħhom. Xejn inqas minn 84 midalja bejn deheb, fidda u bronż, għenu lil Sirens jiksbu t-tieni post, titjib sostanzjali fuq is-sena l-oħra fejn spiċċaw fit-tielet post b’68 midalja.

Jeremy Bugeja, 13-il sena, kiser ir-rekord tal-Britanniku Iaian Ward li waqqaf fi Grupp C fl-1996 fil-100m freestyle. Jeremy kellu ħin ta’ 57.97, ħin rekord miksub miż-żagħżugħ Malti f’għawma inkredibbli. Rekord ieħor minn Grupp C inkiser minn Anna Livermore, ta’ 14-il sena, fil-200m butterfly f’ħin ta’ 2.37 li kisret ir-rekord imwaqqaf mill-Ġermaniża Rosa Marie Erkert fl-2002.

It-tim tat-tfajliet ta’ Sirens iffurmat minn Kimberley Castelletti, Alexandra McGonigle, Anna Livermore u Lana Said rebaħ il-midalja tal-fidda f’ħin ta’ 4.27.07 u spiċċa wara t-tim tal-Iskwadra nazzjonali.

It-tim tas-subien iffurmat minn Isaiah Riolo, Liam Gauci, Nicholas Sammut u Jeremy Bugeja wkoll kellu prestazzjoni tajba fil-4 x 100 medley meta kiseb ħin ta’ 4.38.57 biex ħa l-midalja tal-bronż.

Issa jmiss il-Kampjonati Nazzjonali f’Lulju.