Lokali Parlament

Taħriġ lill-Pulizija fl-użu tal-armi

Filwaqt li l-Pulizija li fix-xogħol tagħhom jużaw l-armi tan-nar qed jingħataw taħriġ fl-użu ta’ dawn l-armi, mhux jingħata taħriġ ieħor lill-Pulizija l-oħra kif kien isir b’sessjonijiet kull xahar.

F’risposta għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Ministru Manwel Mallia qal li t-taħriġ ta’ tmin sigħat li kienu jingħata lill-Pulizija kull xahar m’għadux isir għaliex ma kienx qed jagħti r-riżultati mixtieqa. Hu qal li qed isir studju dwar x’taħriġ jista’ jingħata biex il-Pulizija jkunu ta’ servizz għall-pubbliku.

Jason Azzopardi qal li kien jingħata taħriġ ukoll dwar il-liġi u affarijeit oħra reltatai max-xogħol tal-Pulizija. Hu staqsa jekk il-Ministru jħossx li għandu jerġa’ jkun introdott it-taħriġ lill-Pulizija tad-Distrett biex f’każ ta’ bżonn ta’ użu ta’ arma tan-nar jew taser guns, ikunu mħarrġa fl-użu tagħhom.

Il-Ministru Mallia qal li l-Pulizija li fid-doveri tagħhom jiġu f’kuntatt mal-armi u t-taser guns, jingħataw bħala taħriġ. Hu żied li bħala parti minn dan it-taħriġ, il-Pulizija li jagħmel użu minn taser gun jew pepper spray jiġu ppruvati fuqu stess biex ikun jaf l-effett tal-arma li se jkollu f’idu.

Il-Ministru Mallia qal li hu jrid li t-taħriġ ikun jinkludi wkoll taħriġ dwar il-kuntatt tal-Pulizija man-nies.