IT-TAJLANDJA – Il-Prim Ministru tat-Tajlandja, Yingluck Shinawatra, dehret quddiem il-Qorti Kostituzzjonali ta’ Bangkok biex tiddefendi ruħha kontra allegazzjonijiet dwar abbuż ta’ poter u meta l-qorti mistennija toħroġ il-verdett kruċjali, proprju llum.
L-ilment dwar ‘l-abbużi’ ressquh grupp ta’ senaturi li qalu li l-partit tal-Prim Ministru ggwadanja mit-trasferiment tal-Kap għas-Sigurta nazzjonali li kien seħħ ftit tas-snin ilu.
Jekk tinstab ħatja, Yingluck Shinawatra tista’ titkeċċa minn Prim Ministru minbarra li tkun ipprojbita milli tagħti sehem fil-politika għal perijodu ta’ ħames snin.Madankollu, s-sostenituri ta’ Yingluck jemmnu li l-ogħla qrati fit-Tajlandja għandhom aġenda kontra tagħha u li l-każ mexxewh ‘ċerti elementi elitisti, bl-iskop li jwarrbuha mill-poter’.
Jista’ jinqala’ kaos kbir fit-Tajlandja, f’każ li l-Qorti Kostituzzjonali tieħu passi fil-konfront tal-membri tal-Kabinett ta’ Yingluck, bil-konsegwenza li ‘jistaġnaw’ il-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni proviżorja tat-Tajlandja.
Dan il-pajjiż ilu mis-sena l-oħra għaddej minn kriżi politika u mindu bdew il-protesti kontra l-Gvern immexxi minn Yingluck Shinawatra. Id-dimostranti huma fil-parti kbira Tajlandiżi li ġejjin mill-klassi tan-nofs u residenti taz-zoni urbani li jridu li l-Gvern attwali iċedi postu għal ‘kunsill tal-poplu’ mhux elett. U filwaqt li Yingluck kienet sejjħet elezzjoni għall-għarrieda fi Frar, din ma saritx minħabba l-ostakoli li għamlulha l-istess dimostranti.
Yingluck qed tiffaċċja diversi sfidi legali oħra, b’qorti, aktar kmieni fis-sena, tiddeċiedi li t-trasferiment, fl-2011, tal-Kap tas-sigurta nazzjonali, Thawil Pliensri, ma mexiex mal-proċeduri stabbiliti. Filwaqt li Yingluck kienet ‘kompliċi’ f’dan it-trasferiment, Pliensri, llum, reġa’ rritorna fil-kariga u fejn qed jikkritika lill-Gvern Tajlandiż bil-miftuħ.
Il-Qorti Kostituzzjonali, issa, trid tiddeċiedi jekk it-trasferiment jabbużax il-kriterji tal-Kostituzzjoni, b’Yingluck Shinawatra qed tiċħad l-allegazzjonijiet fejn għamlitha ċara li d-deċiżjoni ‘dwar Pliensri’ kienet seħħet fl-interessi tat-Tajlandja u għall-ġid nazzjonali.
//= $special ?>

