IN-NIĠERJA – Il-poplu u l-awtoritajiet tan-Niġerja huma ansjużi dwar id-destin finali ta’ ‘l fuq minn mitejn tifla tal-iskola Niġerjani li kienu nħatfu minn skola, fl-Istat ta’ Borno, fl-14 ta’ April li għadda u li l-lokalita tagħhom għadha mhix magħrufa.
It-tfajliet inħatfu mill-militanti Iżlamiċi tal-grupp Boko Haram, bl-Istati Uniti qed toffri l-għajnuna fi kwalunkwe tentattiv lejn is-salvazzjoni tagħhom u bil-kelliema Amerikani jsostnu li l-azzjoni tal-militanti qed tiġġenera sens kbir ta’ għajb.
Intant, rapporti qalu li l-President Amerikan, Barack Obama, qed ikun aġġornat rigward l-aħħar żviluppi fil-każ tat-tfajliet, bl-entitajiet tas-sigurta nazzjonali Amerikani qegħdin attenti għal kif qed jiżvolġi l-każ.
L-inkwiet irranka ladarba ħareġ video fejn il-Kap tal-Boko Haram, Abubaker Shekau, saħaq li ‘l-militanti qed jaħsbu biex ibiegħu lit-tfajliet li ma messhomx kienu f’dik l-iskola partikolari’. L-isem ‘Boko Haram’ ifisser, litteralment, li ‘s-sistema tal-edukazzjoni tal-Punent hi pprojbita’ u hemm il-biża’ li t-tfajliet maħtufa se jinbiegħu bħala skjavi.
Din hi anki l-ewwel ammissjoni diretta tal-Boko Haram li kienu ‘huma’ li ħatfu lit-tfajliet , bir-rapporti jtennu li wħud mit-tfajliet ‘kienu sfurzati li jiżżewwġu lill-aggressuri tagħhom’. Intant, l-indikazzjonijiet huma li l-militanti ħadu lill-maġġoranza tat-tfajliet lejn il-Kamerun u ċ-Chad< żewġ pajjiżi li jaqsmu l-fruntieri man-Niġerja.
Is-sens ta’ rabja u frustrazzjoni hi kbira fin-Niġerja, b’ħafna nies qed jikkundannaw lill-awtoritajiet tal-pajjiż talli naqsu milli jsibu lit-tfajliet.
Min-naħa tiegħu, Jay Carney, il-kelliem għall-White House ta’ Washington, qal li pajjiżu qed iqis din is-sitwazzjoni bħala traġedja terribbli, bid-Dipartiment tal-Istat Amerikan qed ikollu l-kuntatti kontinwi mal-Gvern Niġerjan fost id-diskussjonijiet dwar ‘x’jistgħu jagħmlu ( l-Amerikani) biex jappoġġjaw l-isforzi intiżi biex isalvaw lit-tfajliet’.
Dan waqt li sitt senaturi Amerikani introduċew riżoluzzjoni li tappoġġja lill-poplu Niġerjan u li tinsisti biex it-tfajliet maħtufa jkunu lliberati mill-aktar fis. Is-senaturi anki insistew għal ‘azzjoni’ u tennew li ‘ma jistgħux jagħlqu għajnejhom għall-provi ċari tal-azzjonijiet barbari li qegħdin isiru, bħalissa, fin-Niġerja’.
//= $special ?>

