Edukazzjoni Lokali

Wara l-oppożizzjoni tal-ġenituri, il-Gvern mhux se jbiddel jew ineħħi l-uniformijiet

Il-Gvern mhux se jkun qed ibiddel jew ineħħi l-uniformijiet wara li stħarriġ li sar fost il-ġenituri tal-istudenti kollha tal-Primarja wera biċ-ċar li l-ġenituri huma kontra kull tip ta’ tibdil. L-istħarriġ ta lill-ġenituri tliet għażliet: jekk iridux li l-uniformijiet jibqgħu kif inhuma, jekk iridux li jiġu simplifikati billi bażikament titneħħa l-blazer, jew inkella jridux li l-uniformijiet jitneħħew għal kollox u għalhekk ta’ kuljum l-istudenti jmorru l-iskola lebsin ħwejjeġ informali.

Ir-riżultati juru li 75% tal-ġenituri ma jridu li jsir l-ebda tibdil, 17% jippreferu li kieku jigu simplifikati, 4% ma jridux uniformijiet, filwaqt li kienu biss 3% li ma weġbux l-istħarriġ. Ħabbar dan il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni Evarist Bartolo waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Iskola Primarja San Bastjan f’Ħal Qormi. Hu saħaq li jinsab sorpriż b’din l-għażla tal-ġenituri għax qal li l-ġenituri li ssoltu jitkellmu miegħu jesprimu fehma kontra dak li wera dan l-istħarriġ.

L-aħbar li l-Gvern kien qed iħares lejn il-possibbiltà li jbiddel l-uniformijiet kienet qajmet kontroversja u kienu ħafna dawk il-ġenituri li għamlu kuntatt magħna biex jesprimu t-tħassib tagħhom għax kienu se jidħlu fi spiża oħra ħalli jinbidlu l-uniformijiet bħala parti mir-Riforma tal-Kulleġġi. Ilmenti oħrajn mill-ġenituri kienu dwar iċ-ċaqlieq ta’ uliedhom minn Kulleġġ għall-ieħor. Kawża ta’ dan, xi studenti saħansitra se jinħarġu barra mil-lokalità fejn jgħixu biex jattendu f’Kulleġġ ieħor.

S’issa l-Gvern jidher li se jkompli ghaddej bil-pjan tiegħu li jagħmel tibdil fil-Kulleġġi, minkejja l-oppożizzjoni tal-ġenituri.