Deandra Schembri, il-mara tad-Deputat Laburista Silvio Schembri, iddaħħlet taħdem mal-MFSA f’kariga li tinsab fil-livell ta’ Manager. L-ewwel ġurnata tax-xogħol tagħha mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzarji (MFSA) kienet ilbieraħ u mistennija toħroġ bil-leave tal-maternità ftit tal-ġimgħat oħra.
Din hi t-tielet kariga minn dan il-Gvern ghall-mara tad-Deputat Laburista. Wara li kienet inhatret fil-Police Board, bi dħul ta’ €2,400, hi ngħatat ukoll ir-rwol ukoll biex tmexxi Bord tal-Appelli dwar ir-Refuġjati, li għalih titħallas għal kull laqgħa li tmexxi.
S’issa, għadu mhux magħruf pubblikament x’inhi l-paga li bdiet tingħata Deandra Schembri mill-MFSA, hekk kif filwaqt li l-MFSA kkonfermat li ġiet ingaġġata Schembri, ma ngħatajniex risposta dwar x’qed iddaħħal il-mara tad-Deputat Laburista. Madankollu, MaltaRightNow.com hu nfurmat li Schembri tirċievi bejn €25,000 u €30,000 fis-sena.
Il-kariga li ngħatat Deandra Schembri hi dik ta’ Desk Officer fl-ewwel grad fir-Reġistru tal-Kumpaniji. Dan ir-rwol hu wieħed maniġerjali u għalhekk għandha aċċess għall-informazzjoni kollha tal-kumpaniji rreġistrati f’Malta. Skont l-MFSA (ritratt isfel), il-mara tad-Deputat Laburista ntgħażlet għal dan ix-xogħol wara li kien hemm sejħa interna, li għaliha applikaw ukoll persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol mal-ETC. Skont l-informazzjoni li għandna, Deandra Schembri kienet minn dawn tal-aħħar.
B’hekk, il-familja Schembri issa kompla jiżdidilha d-dhul għax il-paga li qed tirċievi Deandra tiżdied ma’ dik ta’ żewġha, li jdaħħal total ta’ €65,000 fis-sena: €38,000 bħala Konsulent tal-Ministru Chris Cardona, €19,000 bħala Membru Parlamentari, €5,700 għax imexxi l-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ekonomiċi u €1,500 bħala Visiting Lecturer. Fl-aħħar jiem, Silvio Schembri nħatar ukoll Chairman tar-Responsible Gaming Foundation, f’pożizzjoni ta’ fiduċja.
//= $special ?>


