Sewwieq ta’ trakk tal-konkrit jinsab f’qagħda kritika u fil-periklu li jitlef ħajtu wara li nqaleb bit-trakk b’kollox fil-parti ta’ fuq tat-Telgha t’Alla w Ommu, bejn in-Naxxar u l-Għargħur. L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9am, meta s-sewwieq, żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Mosta, inqabad fil-kabina tat-trakk tar-Ready Mix. Wara li persuni li kienu għaddejjin mit-triq ippruvaw jagħtu l-ewwel għajnuna, kien biss wara ħidma li damet għaddejja kwazi siegħa li skwadri tas-salvataġġ u paramedici mmexxija minn ħaddiema tal-Protezzjoni Civili rnexxielhom joħorġuh mit-tifrik.
Iż-żagħżugħ iddaħħal mill-ewwel f’ambulanza u ttieħed lejn l-Isptar Mater Dei biex jingħata l-kura. Hu kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu. Fil-post marru Fire Engine għal kull eventwalità u krejn kbir biex it-trakk seta’ jiddawwar mill-pożizzjoni ta’ taħt fuq li spiċċa fiha kawża tal-inċident. Kien hemm ukoll ħaddiema tal-Enemalta biex jaqtgħu l-provista tal-elettriku ħalli jkun evitat aktar periklu.
Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li t-trakk kien qed idur ma’ roundabout li hemm f’din it-triq meta għal xi raġuni s-sewwieq qabad il-bankina u nqaleb. Mad-daqqa, it-trakk qaċċat it-traffic lights li hemm fit-triq. Sakemm saret il-ħidma biex is-sewwieq jinħareġ mit-trakk, it-triq kellha tingħalaq għat-traffiku.
//= $special ?>

