Sena u xahrejn biss wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali, il-Ministru Joe Mizzi wkoll injora l-għajta tal-Partit Laburista għat-trasparenza, il-kompetenza, il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs. Turija ta’ dan, kif kien spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Uffiċċji ta’ Transport Malta (TM) mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, hu dak li għamlet TM meta tat direct order lil kumpanija privata biex tieħu f’idejha żona fil-Port il-Kbir. TM hi taħt ir-responsabbiltà politika ta’ Joe Mizzi.
Akkumpanjat mill-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norman Vella u Jonathan Shaw, Beppe Fenech Adami spjega kif b’din id-deċiżjoni, iż-żona tal-Outer Coal Wharf fil-Port il-Kbir ingħatat lil din il-kumpanija mingħajr ma nħarġet l-ebda espressjoni ta’ nteress. Il-kumpanija li ngħatat il-kuntratt bdiet teżisti minn Marzu 2014 u f’April ingħatat id-direct order. Minn din iż-żona li ngħatat, se tkun qed tiġġenera madwar €10 miljun f’sena.
Beppe Fenech Adami qal li b’dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet, il-Gvern Laburista qed juri kif ir-roadmap li qal li kellu għall-pajjiż fil-verità kienet lesta biex jinqdew tal-qalba. Issa f’idejn il-poplu biex jiġġudika jekk dan hux minnu jew le. Beppe Fenech Adami sostna wkoll li l-Ministru Joe Mizzi qal li kien jaf u segwa d-diskussjonijiet li saru bejn TM u din il-kumpanija. Dan meta suppost kien fid-dover tiegħu, bħala Ministru responsabbli mit-Trasport, li mhux isegwi iżda joħroġ espressjoni ta’ nteress għax seta’ kien hemm kumpaniji oħrajn interessati f’din iż-żona, li jidher li se tiġi landscaped u se tinbidel f’żona ta’ rikreazzjoni mgħammra b’diversi faċilitajiet bħal crew gym u anke parkeġġ.
Beppe Fenech Adami staqsa x’hemm moħbi iżjed dwar dan il-proġett u għaliex il-kumpanija kienet diġà bdiet tirreklama ż-żona li ngħatat b’diret order.
//= $special ?>