L-Assocjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) u l-Kamra tal-Periti qed jakkużaw lill-MEPA li qed tibqa’ żżid l-inċertezzeta meta qed tbiddel il-policies tagħha unilateralment. Minghajr avviż u mingħajr m’għamlet ebda tip ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku u mal-għaqdiet interessati, l-Awtorità ħarġet ċirkulari biex suppost tikkjarifika policies eżistenti. Iżda fil-verità, kuntarju għall-impressjoni li ppruvat tagħti, minflok sempliċi kjarifika, b’din iċ-ċirkulari biddlet dawn il-policies u daħħlet regolamenti ġodda.
Il-MDA u l-Kamra tal-Periti qalu li l-parametri l-ġodda fiċ-ċirkolari ma jissemmew imkien fil-Liġijiet u policies tal-MEPA u għalhekk huma tibdil sostanzjali tal-policies eżistenti. Agħar minn hekk, dawn il-bidliet mhux biss jeffetwaw applikazzjonijiet li se jsiru fil-futur, iżda wkoll applikazzjonijiet li qed jiġu pproċessati, ikun xi jkun l-istadju li fih wasal il-proċess.
Huma qalu li b’aġir bħal dan, il-MEPA qed tonqos mill-obbligi tagħha li tikkonsulta mal-pubbliku dwar bidliet fil-policies u b’hekk qegħda l-ħin kollu ċċaqlaq il-lasti b’mod li ħadd ma jkun jaf fejn qiegħed u mingħajr ħarsien tal-proċeduri stabbiliti bil-Liġi. Dan meta fil-qasam tal-ippjanar tal-iżvilupp għandu jkun hemm ċertezza biex kulħadd ikun jaf fejn qiegħed.
Iż-żewġ għaqdiet appellaw lill-awtoritajiet biex jaraw li l-MEPA twaqqaf il-proposti li fiha ċ-ċirkulari u jekk trid tbiddel xi policies, tagħmel dan bil-proċeduri li obbligata tosserva skont il-Liġi.
//= $special ?>