Ambjent Internazzjonali Lokali

Dibattitu fil-Parlament Ingliż dwar il-kaċċa f’Malta

Il-Preżentatur tal-BBC Chris Packham, li kien f'Malta biex jiġbed dokumentarju

Il-Parlament Ingliż illum wara nofsinhar għamel dibattitu dwar il-kwistjoni tal-kaċċa f’Malta. Dibattitu li wassal biex id-Deputat Parlamentari Ingliż John Randall jagħmel appell lill-Gvern Ingliż biex jitlob lill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent biex jassigura li Malta ma kienitx qed tikser id-Direttiva tal-Għasafar.

Id-dibattitu fil-House of Commons, sar wara li l-preżentatur tal-BBC, l-ambjentalist Chris Packham fl-aħħar jiem kien f’pajjiżna fuq missjoni biex iqajjem kuxjenza fuq il-qtil illegali ta’ għasafar waqt li jkunu qed ipassu minn fuq Malta.

Iż-żjara ta’ Packham qajmet kontroversja wara li kemm dam f’Malta, hu tella’ videos fuq YouTube b’kummenti ta’ kritika għall-kaċċa fir-Rebbiegħa, waqt li fuq il-BBC wara li rritorna l-Ingilterra, qal li Malta hi l-uniku pajjiż li l-UE tatu permess biex jiftaħ staġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Fi stqarrija l-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba Konservazzjonisti qalet li bil-videos tiegħu Packham messu ngħata l-Oscar għall-aħjar attur Ingliż u għall-unur tal-akbar giddieb. L-FKNK, li ħadet passi fil-Qorti kontra Packham minħabba dak li sejħitlu ksur tal-liġi tal-protezzjoni tad-data, akkużat lil dan l-ambjentalist li għamel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta u li qed ikompli jagħmel hekk anke wara li ħalla pajjiżna – issa b’dan id-dibattitu fil-Parlament Ingliż.

F’email li bagħtet lill-President ta’ Malta, lid-deputati parlamentari Maltin u lill-MEPs Maltin, u lill-Kummissarju tal-Pulizija, u li ntbagħtet ukoll lill-House of Commons f’Londra, akkużat ukoll lil Packham li ma ndunax li Malta m’għadhiex kolonja Ingliża, waqt li kellha wkoll kliem iebes għall-Birdlife Malta li stiednet lil dan l-Ingliż f’Malta.

Imma mhux l-istess jaħsibha Sir John Randall, il-membru Parlamentari Ingliż li sejjaħ għad-dibattitu fil-Parlament Ingliż, li qal li Packham ta servizz lill-pubbliku u lin-natura billi wera dak li qed jiġri f’Malta.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Koalizzjoni għall-Abolizzjoni tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa qalet li l-pożizzjoni tal-partiti politiċi dwar il-futur tal-kaċċa fir-rebbiegħa m’għandiex tkun diskussa, iżda r-referendum għandu jkun għodda f’idejn iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin biex ikunu liberi u jagħżlu huma l-futur tal-kaċċa fir-rebbiegħa.