Internazzjonali

Ebda żblokk fil-Lvant tal-pajjiż

Militanti favur ir-Russja ħadu lura l-kontroll tal-uffiċini tal-kunsill lokali tal-port ta’ Mariupol. Dan wara li ftit sigħat qabel dawn kienu tkeċċew mill-militar Ukren.

Li ġara kien li hekk kif is-suldati Ukreni ħarġu mill-bini u telqu mill-post, il-militanti favur ir-Russja reġgħu daħlu fil-bini.

Ir-ribelli ħadu l-kontroll ta’ ħafna binjiet tal-Gvern fil-Lvant tal-Ukrajna u bħalissa l-Gvern Ukren qed imexxi kampanja militari biex jeħodhom lura taħt il-kontroll tiegħu. Mariupol hi belt importanti fil-qalba industrijali tal-Ukrajna.

Sadattant fi Sloviansk għadu għaddej il-ġlied hekk kif it-truppi Ukreni qed jippruvaw jieħdu l-kontroll tal-belt. S’issa l-akbar reżistenza mir-ribelli għall-offensiva tat-truppi Ukreni qed isseħħ fi Sloviansk.

Minn mindu bdiet din l-offensiva x-xahar li għadda, il-Gvern Ukren qal li 14-il suldat minn tiegħu nqatlu u 66 ndarbu.

Sadattant qed ikomplu l-isforzi diplomatiċi biex tinstab soluzzjoni għal din il-kriżi. Ir-Russja t-Tlieta indikat li ma kinitx interessata li jerġa’ jkun hemm laqgħa mal-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna jekk preżenti ma jkunx hemm rappreżentanza tal-militanti mil-Lvant tal-Ukrajna. Il-Gvern ta’ Kiev warrab totalment din il-possibbiltà.