Lokali

Editorjal: Malta aħjar bi drittijiet aqwa

Il-Partit Nazzjonalista lbieraħ reġa’ wera li hu l-partit tad-drittijiet, drittijiet indaqs għal kulħadd. Dan għamlu meta ħabbar li se jressaq emenda fil-kostituzzjoni biex titneħħa kwalunkwe diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità.

It-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità
Din hi ħolqa oħra f’katina twila ta’ inizjattivi tal-Partit Nazzjonalista biex mill-ogħla liġi sal-inqas regolament jew azzjoni, titneħħa d-diskriminazzjoni li jbatu n-nies f’numru ta’ minoranzi soċjali.

L-istess mudell tal-emendi li ressaq il-PN dwar is-sess u l-orjentament sesswali
Fuq l-istess mudell li uża qabel f’emendi li ressaq il-Partit Nazzjonalista biex titneħħa kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess fl-1991 u fuq il-bażi ta’ orjentament sesswali ftit ilu, il-Partit Nazzjonalista reġa’ għażel l-aqwa triq kontra d-diskriminazzjoni.

Emenda kostituzzjonali tagħti l-aqwa dritt, rimedju u kumpens
Għax emenda fil-kostituzzjoni tagħti d-dritt lil kulħadd li jmur il-Qorti Kostituzzjonali jargumenta li qed ikun diskriminat, u jekk il-qorti ssib li dan hu minnu, twaqqa’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew atti li jkunu qed jiddiskriminaw, u anke tagħti rimedju u kumpens lil min ikun ġie diskriminat.

Mhux tittallab lil xi politiku imma dritt garantit anke fil-qrati
Mela hekk, id-drittijiet ma jkunux xi grazzja jew pjaċir ta’ politiku, imma dritt reali fil-kostituzzjoni nnifisha. U jekk tħoss li xi ħadd kiser id-dritt tiegħek jew iddiskrimina kontrik b’xi ħaġa hi x’inhi, tkun tista’ tfittex id-dritt tiegħek f’qorti li twaqqa’ kulma ddiskrimina kontrik u anke tagħtik rimedju effettiv u kumpens xieraq.

Ħolqa f’katina twila ta’ inizjattivi għad-drittijiet mill-Partit Nazzjonalista
Dan hu kif l-affarijiet isiru sew, mill-kostituzzjoni ‘l isfel. Il-Partit Nazzjonalista reġa’ wera li hu l-partit tad-drittijiet kif turi s-sensiela twila ta’ inizjattivi tiegħu bħal meta:

  • daħħal id-drittijiet fundamentali fil-kostituzzjoni tal-Indipendenza, u fl-emendi kostituzzjonali tal-1974 insista li l-qorti kostituzzjonali tkun kostitwita dejjem,
  • fl-1987 ta d-dritt lil kulħadd li jfittex quddiem il-qrati Maltin id-drittijiet li joħorġu anke mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,
  • neħħa kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess fl-1991 b’emenda kostituzzjonali,
  • tana d-dritt li nneħħu liġijiet ordinarji b’referendum abrogattiv,
  • daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea bi drittijiet ferm usa’ f’ħafna oqsma,
  • ressaq l-emenda fil-kostituzzjoni biex titneħħa kull diskriminazzjoni kontra minoranzi sesswali, u
  • ddefenda d-drittijiet tagħna kull darba li kienu mhedda minn gvernijiet Laburisti, fosthom issa meta l-gvern qed jhedded il-privatezza anke tat-tfal.

Issa t-tneħħija tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabilità
Ma’ din is-sensiela twila ta’ drittijiet b’inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista, issa t-tneħħija wkoll ta’ kull diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità. Fi prova li l-Partit Nazzjonalista hu l-partit tad-drittijiet kif wera ħafna drabi fl-istorja tiegħu.