Il-Ministru responsabbli mill-Finanzi Edward Scicluna ddikjara li ma kienx jaf li jrid jagħmel dikjarazzjoni tal-assi bħala Membru Parlamentari. Mistoqsi dwar dan, għall-ewwel Edward Scicluna qal li ma jidhirlux li ma ppreżentax id-dikjarazzjoni tiegħu. Iżda ftit tas-sekondi wara, hu bidel il-verżjoni billi qal li kien taħt l-impressjoni li d-dikjarazzjoni tal-assi bħala Ministru kienet biżżejjed minflok dik ta’ Membru Parlamentari.
Fi tweġiba għal mistoqsija ta’ MaltaRightNow.com, waqt li lbieraħ kien qed jindirizza teleconference, il-Ministru Scicluna qal li kien mingħalih li l-Membri tal-Kabinett huma esklużi mid-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Membri Parlamentari. Ilbieraħ, il-ġurnal The Malta Independent irrapporta li l-parti l-kbira tad-Deputati Laburisti, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Scicluna nnifsu, ma ssottomettewx id-dikjarazzjoni tal-assi. Dan minkejja li l-Kodiċi tal-Etika tal-Membri Parlamentari jitlob dan.
Edward Scicluna qal li lbieraħ stess, hu għamel kuntatt mal-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Carmelo Abela għax kien mingħalih li l-Ministri huma esklużi minn din id-dikjarazzjoni. Izda minkejja li l-Ministru Scicluna pprova jinħeba wara l-iskuża li ma ppreżentax id-dikjarazzjoni tal-assi minħabba li ħaseb li d-dikjarazzjoni tal-assi tal-Ministri kienet biżżejjed, The Malta Independent irrapporta wkoll li l-istess Ministri Laburisti lanqas ippreżentaw id-dikjarazzjoni tal-assi għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Din id-dikjarazzjoni kellha tingħata lill-iSpeaker tal-Kamra sal-31 ta’ Marzu li għadda.
L-istess kien ġara s-sena li għaddiet, meta l-Kabinett Laburista kien naqas milli jissottometti d-dikjarazzjoni tal-assi fil-ħin. Meta sena ilu ssottomettewhom erba’ xhur tard, l-istess dikjarazzjonijiet kienu mimlijin ineżattezzi u nuqqasijiet, tant li wħud minnhom kellhom jiġu kkoreġuti.
Sitta mid-Deputati Laburisti ppreżentaw id-dikjarazzjoni lbieraħ
Sadanittant, il-ġurnal The Malta Independent, li lbieraħ żvela din l-istorja, illum qal li numru ta’ Deputati Laburisti, fosthom il-Prim Ministru Muscat innifsu, marru jiddikjaraw l-assi tagħhom. L-istorja tispjega li b’kollox kienu sitta l-Membri Parlamentari Laburisti mis-16 li kienu għadhom ma ressqux id-dikjarazzjoni tal-assi, li fl-aħħar sigħat ippreżentawha quddiem il-Parlament.
Minbarra Muscat, dawn jinkludu lil Deborah Schembri, Joe Mizzi, Chris Cardona, Luciano Busuttil u Charles Buhagiar. B’hekk, xorta fadal 10 Deputati Laburisti, fosthom Edward Scicluna, li s’issa għadhom m’għamlux dak li suppost kienu marbutin li jagħmlu sat-30 ta’ April.
//= $special ?>

