Kważi sena wara li Flamingo inqatel kiesaħ u biered fis-salini, erba’ rġiel li tlieta minnhom huma parentela kienu mixlijin quddiem il-Maġistrat Anthony Vella akkużati li kienu nvolouti fil-qtil ta’ dan l-għasfur protett.
Il-każ beda jinstema’ mill-ewwel peress li l-akkużati ma tressqux b’arrest fil-Qorti tal-Maġistrati iżda permezz ta’ ċitazzjoni. Edgar Attard ta’ 49 sena minn Naxxar, ibnu Justin Attard ta’ 25 sena minn Naxxar u kuġinuh Cliff Borg ta’ 31 sena mill-Mosta, flimkien ma’ Massimo Parnis ta’ 22 sena minn Naxxar wieġbu mhux ħatja li kienu nvoluti fil-qtil tal-Flamingo.
Dan kien inqatel f’Ġunju ta-sena li għaddiet meta huwa mifhum li l-għasfur kienu ilu ftit tas-sigħat li wasal Malta u li nqatel waqt li kien rieqed. Matul is-smigħ tal-każ, xehed persuna li joqgħod fi Triq is-Salina.
Dan ir-resident qal li għall-ħabta tal-11.00 p.m., waqt li kien qed jara t-televixin sema sparatura. Qal li ħareġ ma’ missieru fil-gallarija u semgħu xi ħaġa ċċafċaf fl-ilma. Tenna li ra karozza bajda ġejja mid-direzzjoni tat-Triq il-Kosta lejn San Pawl.
Ftit tal-ħin wara sema’ sparatura oħra u niżel isfel biex jara n-numru tal-pjanċa tal-istess karozza imma kienet laħqet telqet. Meta resaq viċin il-post, ix-xhud ra d-demm mal-grada u lemaħ rixa u identifikaha li kienet tal-Flamingo, għax il-kulur tagħha kienet roża.
Huwa kompla jgħid li aktar kmieni matul il-jum kien ra l-Flamingo jittajjar fl-inħawi. Dwar dan huwa informa lill-Pulizija b’dak li kien ra u għamel rapport.
Xehdet ukoll l-esperta tal-Qorti Dr.Marisa Cassar. Qalet li fil-Pajero bajda, li deher jitlaq minn fuq il-post wara l-isparaturi u li nstab moħbi qalb il-ħaxix għoli fil-Wied ta’ Burmarrad, sabet rixa li taqbel ma’ dik li nstabet ħdejn il-grada.
Il-Pajero kien identifikat li kien ta’ Justin Attard, wieħed mill-akkużati, li lkoll qegħdin iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin kontrihom. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru għall-akkużati filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josric Mifsud.
//= $special ?>

