Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Hu mportanti naħdmu biex id-drittijiet ta’ kulħadd ikunu mħarsa – Simon Busuttil

Hu mportanti li naħdmu biex f’pajjiżna d-drittijiet ta’ kulħadd ikunu mħarsa, speċjalment dawk ta’ persuni b’diżabbiltà. Dawn huma persuni li għandhom kull dritt jgħixu u jgawdu l-ħajja bħal ħaddieħor. Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel fil-lukanda Paradise Bay, li tinsab fiċ-Ċirkewwa.

Simon Busuttil, li ntlaqa’ mid-diretturi tal-lukanda Stanley Zammit u Stefan Fenech, kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo, mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew u kandidat għall-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju David Casa u mill-MEP Nazzjonalista u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

L-iskop taż-żjara kien biex il-PN jifhem kif jista’ jfassal aħjar il-politika tiegħu ħalli persuni b’diżabbiltà jkunu aktar inklużi fis-soċjetà tal-lum. Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni ressqet Emenda Kostituzzjonali quddiem il-Parlament kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq persuni b’diżabbiltà.

Simon Busuttil Paradise Bay Hotel

Il-Kap tal-PN fisser kif din il-lukanda qed tattwa l-viżjoni tal-PN għall-persuni b’diżabbiltà permezz ta’ diversi miżuri fuq livell ta’ turiżmu u ospitalità, kif ukoll bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej. Matul iż-żjara, Simon Busuttil kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ u jitkellem ma’ wħud mill-ħaddiema tal-lukanda li jaħdmu f’dipartimenti differenti.

Min-naħa tiegħu, Stanley Zammit spjega x’tip ta’ faċilitajiet toffi l-lukanda għall-persuni b’diżabbilità. Spjega wkoll kif it-tmexxija tal-lukanda dejjem riedet li l-lukanda tkun aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Il-lukanda Paradise Bay hi mgħammra wkoll b’sistemi li jgħinu biex tinħela anqas enerġija, fosthom fir-raba’ sular li nbena fl-2010, fejn hemm sistema tad-dawl li taħdem bl-enerġija tax-xemx permezz ta’ sky light. Dan minbarra li l-lukanda hi mgħammra wkoll b’sistema biex tirriċikla l-ilma. Tliet xhur ilu, din il-lukanda ġiet ikklassifikata t-tielet fil-European Excellence Award for Accessible Tourism.