Ambjent Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-deċiżjoni li tiġi esproprjata art biswit it-tempji Ta’ Ħaġrat

Il-Partit Nazzjonalista laqa’ l-aħbar li, wara pressjoni li saret lill-Gvern mill-għaqdiet ambjentali u minnu permezz ta’ mozzjoni fil-Parlament, il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jesproprja art biswit it-tempji Ta’ Ħaġrat li fuqha nħareġ permess għall-iżvilupp mill-MEPA.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Ryan Callus, il-Partit Nazzjonalista qal li din hija aħbar tajba għall-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu, għaliex permezz tagħha, it-tempji storiċi Ta’ Ħaġrat, li jmorru lura 5,000 sena, issa se jiġu protetti minn żvilupp li approvat il-MEPA ftit metri biss ’il bogħod. B’hekk, din l-art issa għandha titnaddaf u tintuża bħala spazju miftuħ għall-familji u t-turisti li jżuru dawn it-tempji.

Permezz tal-inizjattiva tiegħu, il-Partit Nazzjonalista wera għal darb’oħra li hu partit kostruttiv u li anke mill-Oppożizzjoni qiegħed jieħu inizjattivi għal Malta Aħjar. Il-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ħarsien aħjar tal-wirt storiku tiegħu u kien għalhekk li semma’ leħnu biex jipprevali s-sens komun u l-ġid komuni.