Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, ordnat li jiġu distrutti 55,220 żarbun mhux tad-ditta li kienu ddaħħlu f’Malta illegalment. Il-Qorti tat din id-deċiżjoni f’sitt sentenzi differenti wara li sitt kumpaniji fetħu kawżi kontra kumpaniji oħra, fejn ilmentaw li ż-żraben li mportaw ma kienux ġenwini u jiksru d-dritt dwar il-proprjetà intelletwali.
Il-kumpaniji li bdew proċeduri fil-Qorti huma Nike International Limited, il-kumpanija Puma, Reebok International Limited u l-kumpanija Adidas International Limited. Il-kawżi infetħu kontra l-kumpaniji China Fengamo Limited, Good Promotion Enterprise Limited, Bank Elbaraka d’Algerie u l-kumpanija Offshore International Development Limited.
Waħda mill-akbar qabdiet ta’ żraben li ma kienux ġenwini kienet iddaħħlet nhar it-28 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. Dakinhar fuq il-vapur CMA CGM Ivanhoe, kienet iddaħħlet konsenja ta’ 40,360 żarbun. Il-kawża f’dan il-każ kienet infetħet mill-kumpanija Nike kontra l-kumpanija China Fengamo Limited. F’kull sentenza, il-Qorti ordnat li f’90 ġurnata mil-lum dawn iż-żraben jiġu distrutti.
//= $special ?>

