Il-Working Group Parlamentari dwar id-Dijabete twaqqaf fil-Kamra tal-Kumitati tal-Parlament. L-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia nħatar President ta’ dan il-Working Group ġdid.
Dan il-Grupp twaqqaf bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, wara inizjattiva tal-Oppożizzjoni, bl-iskop li jsaħħaħ l-azzjoni u jimxi fuq l-aħjar prattiċi dinjija sabiex, l-epidemija dejjem tikber tad-dijabete, tkun miġġielda.
Il-Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil qal li wasal iż-żmien li l-Oppożizzjoni u l-Gvern jingħaqdu flimkien fil-ġlieda kontra d-dijabete u jwarrbu kull diviżjoni politika li tista’ xxekkel din il-ħidma.
Simon Busuttil saħaq li għandhom isiru sforzi flimkien ma’ professjonisti u persuni oħrajn fil-qasam tad-dijabete biex jitressqu proposti konkreti lill-Gvern għal azzjoni f’dan ir-rigward. Il-Kap tal-Oppożizzjoni jinsab persważ li jekk kull membru jiġbed ħabel wieħed din il-ħidma kapaċi tiswa mitqlu deheb għal dawn in-nies.
Il-Working Group se jiffoka fuq ħames azzjonijiet principali, fosthom, biex jippromwovi għarfien fost il-membri parlamentari dwar id-dijabete; biex ikun hemm monitoraġġ ta’ Pjan Nazzjonali dwar id-Dijabete f’Malta; u biex ikunu organizzati avvenimenti dwar id-dijabete f’Malta u lil hinn minnha.
Natasha Azzopardi Muscat, id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru tas-Saħħa fissret li f’Malta hawn aktar minn 33,000 każ ta’ dijabete fost persuni li l-eta’ tagħhom tvarja bejn l-20 u d-79 sena. Imwiet relatati mad-dijabete fost dawn l-etajiet jgħoddu kwazi 270.
Fl-Ewropa biss madwar 32 miljun ċittadin qed ibatu mill-marda tad-dijabete. Miljuni oħrajn jinsabu f’riskju li titfaċċalhom din il-kundizzjoni matul ħajjithom. Kull żewġ minuti, ċittadin fl-Unjoni Ewropeja jitlef ħajtu kaġun tad-dijabete.
Hi spjegat li l-prevalenza tad-dijabete f’Malta hi ta’ ftit aktar minn għaxra fil-mija. Ingħad li bejn għaxra fil-mija u 19 fil-mija tal-ispiża fuq il-kura tas-saħħa għal kull stat membru tmur għad-dijabete. Għalhekk, illum, bħala medja, id-dijabete qed tiġi tiswa lis-sistema Ewropea tal-kura tas-saħħa aktar minn €2,000 kull pazjent fis-sena.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-Working Group Parlamentari, ixxandar ukoll messaġġ awdjo viżiv minn Sir Michael Hirst, il-President tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete. Saru wkoll preżentazzjonijiet minn Anna Zammit McKeon, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija dwar id-Dijabete; minn Christine Mifsud, omm li hi nieqsa mid-dawl kawża ta’ kumplikazzjonijiet mid-dijabete; u mill-Professur Stephen Fava, Kap taċ-Ċentru dwar id-Dijabete fl-Isptar Mater Dei.
Minbarra ċ-Chairperson, il-membri l-oħra tal-Working Group huma Marlene Farruġia, Deo Debattista u Franco Mercieca min-naħa tal-Gvern u Simon Busuttil, Claudio Grech, Claudette Buttigieg, Marthese Portelli, Frederick Azzopardi, Clyde Puli u Michael Gonzi minn naħa tal-Oppożizzjoni.
Intant id-dijabete hi marda kronika li tiżviluppa meta l-ġisem ma jkunx jista’ jipproduċi biżżejjed insulina jew ma jistax juża l-insulina b’mod effettiv. L-insulina hi ormoni li tinħoloq mill-frixa u li tħalli z-zokkor mill-ikel jidħol fiċ-ċelloli tal-ġisem. Imbagħad tinbidel f’enerġija li hi meħtieġa biex il-muskoli jiffunzjonaw.
Nies bid-dijabete jistgħu jgħixu ħajja normali sakemm jieklu ikel nutrittiv u tajjeb għas-saħħa. Dan neċessarjament ma jfissirx li ma jistgħux jieklu ċertu ikel iżda jridu jkunu konxji tal-kontenut u tal-kwantitajiet li qed jieklu. Stil ta’ ħajja tajba għas-saħħa wkoll tnaqqas ir-riskji tad-dijabete tip 2 – li hi komuni l-aktar fost l-adulti, iżda tista’ tolqot lit-tfal u lill-adoloxxenti.
//= $special ?>