Wara pressjoni li saret mill-Oppożizzjoni, li anke ressqet Mozzjoni fil-Parlament, l-art biswit it-Tempji Ta’ Ħaġrat issa se tiġi esproprjata. Ġimgħatejn ilu, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta Mozzjoni fil-Parlament biex din l-art, li tinsab fil-buffer zone tat-Tempji Megalitiċi rikonoxxuti bħala patrimonju dinji tal-UNESCO u li spiccat f’nofs kontroversja, tiġi esproprjata bi qbil mal-Gvern.
Issa, wara li tressqet din il-Mozzjoni, il-Kabinett iddeċieda li jesproprja l-art wara li l-MEPA ħarġet il-permess biex tinbena dar ta’ żewġ sulari. Il-permess kien ikkonfermat ukoll mill-Bord tal-Appell, f’deċiżjoni li qanqlet kritika ħarxa mhux biss mill-Oppożizzjoni, iżda wkoll minn għaqdiet ambjentali bħal Flimkien għal Ambjent Aħjar u Ramblers’ Association. B’mod konġunt, dawn għamlu petizzjoni kontra dan il-permess.
Il-Gvern qal li qed jitlob ukoll lill-MEPA biex tikkunsidra b’mod urġenti li taghmel Ordni ta’ Emerġenza għall-Konservazzjoni ta’ dan is-sit.
//= $special ?>