Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

L-NGOs jagħtu valur addizjonali li ebda politiku ma jista’ jesegwixxi – Francis Zammit Dimech

“L-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) huma mportanti ħafna għall-Unjoni Ewropea u jekk inkun elett fil-Parlament Ewropew se nimpenja ruħi biex inservi ta’ pont bejn l-NGOs u dak li jaffettwa lil Malta fil-Parlament Ewropew”. Dan sostnieh il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, f’diskors ta’ introduzzjoni waqt business breakfast mal-NGOs Maltin fil-lukanda Le Meridien f’San Ġiljan.

Fl-attività, bħala parti mill-kampanja tiegħu għall-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju, Francis Zammit Dimech saħaq li għandu ħafna x’jitgħallem mill-NGOs. Hu fisser kif beda l-karriera politika u pubblika tiegħu ta’ 14-il sena, bit-twaqqif tal-NGO “Teens & Twenties Talent Trust”, jew aħjar il-“Four Ts”. Hu qal li l-NGOs iridu jgħallmu lill-politiċi dak li għandu jsir biex il-pajjiż ikun aħjar milli hu llum. Francis Zammit Dimech elenka d-diversi NGOs li għandna mxerrdin madwar Malta u li jaħdmu f’ħafna oqsma, fosthom dawk soċjali, kulturali, filantropiċi u sportivi.

“Bil-volontarjat tagħhom, l-NGOs jagħtu valur addizjonali li ebda Gvern ma jista’ jesegwixxi bl-aktar mod wiesgħa”, sostna Francis Zammit Dimech, li żied li “l-istrutturi formali governattivi ma jissostitwixxux ix-xogħol imprezzabbli li jagħmlu l-NGOs”. Zammit Dimech tkellem dwar l-opportunitajiet li toffri l-UE u ħeġġeġ lill-NGOs biex jagħmlu użu mis-servizzi li jipprovdi l-MEUSAC. Fost dawn hemm il-kisba tal-fondi u iżjed aċċess għal dak li toffri l-UE.

Il-kandidat f’isem il-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew irrefera wkoll għall-prijoritajiet tal-UE li se jkun qed jisħaq fuqhom jekk ikun elett fil-Parlament Ewropew, fosthom ix-xogħol, il-kreattività u l-innovazzjoni, it-tisħiħ tas-servizzi finanzjarji, l-ambjent, ir-regoli u liġijiet li jolqtu gżejjer żgħar bħal Malta, il-kultura u l-immigrazzjoni.