Il-President Amerikan Barack Obama bagħat esperti f’oqsma varji biex jgħinu lill-Gvern Niġerjan isib lil kważi 300 tifla li nħatfu minn militanti Iżlamiċi tal-Boko Haram.
Dan waqt li r-Renju Unit indika li kien lest jibgħat truppi speċjali lejn in-Niġerja biex jgħinu f’din it-tfittxija. Il-grupp fil-15 ta’ April ħataf 257 tifla tal-iskola wara attakk fuq skola u f’dawn l-aħħar ġranet kien hemm aktar ħtif simili imma fuq skala ferm iżgħar. Apparti hekk Abubakar Shekau, il-mexxej tal-Boko Haram, wissa li kien se jbigħ lil dawn il-bniet bħala skjavi u li l-grupp kien se jattakka aktar skejjel biex jaħtaf lill-bniet.
Il-President Amerikan qal li l-Boko Haram kien wieħed mill-agħar gruppi terroristiċi fid-dinja.
Filwaqt li l-Istati Uniti qed tibgħat kull tip ta’ espert li jista’ jgħin f’din is-sitwazzjoni, mhux se jintbagħtu truppi. John Kerry, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, qal li l-Istati Uniti kienet f’kuntatt mal-Gvern Niġerjan hekk kif sar magħruf li kienu nħatfu dawn it-tfal imma kien biss nhar it-Tlieta li l-President Niġerjan Goodluck Jonathan aċċetta l-offerta Amerikana.
F’Londra, sorsi żvelaw li l-Gvern Ingliż kien lest jibgħat truppi tal-SAS, it-taqsima speċjali tal-Armata, u anki ajruplani militari speċjalizzati jekk issir it-talba mill-Gvern ta’ Abuja.
Il-Boko Haram sploda fix-xena ħames snin ilu u minn dakinhar aktar minn 4,000 persuna nqatlu u madwar nofs miljun spiċċaw refuġjati.
Ħafna kienu l-pajjiżi li wrew solidarjetà mal-poplu Niġerjan wara l-ħtif ta’ dawn it-tfal tal-iskola. In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li kull min jipparteċipa bix-xiri jew bejgħ ta’ dawn it-tfal tal-iskola jista’ jiġi mixli skont il-liġijiet internazzjonali kontra l-iskjavitù.
//= $special ?>

